Il-komunitá internazzjonali qed tinkwieta dejjem aktar dwar il-poplu Ukren fil-belt ta’ Severodonetsk li baqgħet iġġarrab il-bumbardamenti minkejja l-wiegħdiet tar-Russja biex tinfetaħ rotta għall-evakwazzjoni tal-aktar persuni vulnerabbli.
Dan meta mal-10,000 ċivili baqgħu maqbudin fiċ-ċentru u l-inħawi ta’ Severedonetsk fejn għaddejjin il-battalji bejn il-militar Russu u l-aħħar suldati Ukreni f’dik iz-zona.
Il-belt ta’ Severodonetsk tifforma parti mir-reġjun ta’ Luhansk lejn il-lvant tal-Ukrajna u li, intant, jinkwadra f’reġjun akbar magħruf bħala d-Donbas. Il-Gvernatur ta’ Luhansk, Sergei Haidai, issa qal li l-10,000 persuna li fadal f’Severodonetsk huma ‘segment’ mill-100,000 resident oriġinali tal-belt qabel l-offensiva attwali tar-Russi fuq l-inħawi.
Intant, hu sostna li l-Armata Ukrena kienet qed tirreżisti mill-aħjar li tista’ għall-avvanzi tas-suldati Russi lejn l-aktar zoni sensittivi tal-belt. Is-sitwazzjoni, iżda, baqgħet ikkumplikata għar-residenti li baqgħu maqbudin f’Severodonetsk minħabba li nqered l-aħħar pont li kien qed jgħaqqad din il-belt mal-kumplament tal-Ukrajna.
Sadanittant, ir-residenti ċivili f’Severedonetsk qegħdin jispiċċawhom il-provvisti essenzjali – speċjalment l-ikel u ilma li hu tajjeb għax-xorb. Dan meta s-servizzi tas-sanità fl-inħawi huma kważi negliġibbli, bil-provvista tad-dawl jinqata’ għal ħafna zoni ta’ din il-belt.
//= $special ?>

