Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: L-istorja mgħandhiex turi liċ-Ċina ‘f’dawl tajjeb’ …

L-Istati Uniti esprimiet inkwiet dwar l-alineament taċ-Ċina mar-Russja – bit-Tmexxija f’Washington twissi li l-pajjiżi li qed jappoġġjaw lill-President Russu Vladimir Putin f’din il-gwerra mal-Ukrajna ‘mgħandhomx ikunu mfakkra b’mod tajjeb fil-kotba tal-istorja’.

Kelliema għad-Dipartiment tal-Istat Amerikan qalu li ċ-Ċina, minkejja l-ħafna diskors dwar newtralità, għamlitha ċara li baqgħet ‘tinvesti fir-rabtiet mill-qrib li għandha ma’ Moska’.

Dan wara li l-President Ċiniż, Xi Jinping aċċerta lil Vladimir Putin li pajjiżu għandu jappoġġja ‘is-sigurtà u s-sovranità tar-Russja’ waqt telefonata fit-tul mal-President Russu.

Intant, iċ-Ċina għadha s’issa tirrifjuta li tikkundanna l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja. Il-Gvern komunista f’Beijing hu wkoll akkużat b’li provda ‘appoġġ diplomatiku’ lil Moska permezz ta’ kritika għas-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russi u l-proviżjoni tal-armi lill-Ukreni mingħand l-Istati tal-Punent.

Fl-istess ħin, kelliema f’Washington qalu li l-Istati Uniti qed tosserva mill-qrib l-atteġġjament taċ-Ċina waqt il-gwerra fl-Ukrajna.

Dan meta l-Amerikani rreferew ‘għas-sinjali ovvji li ċ-Ċina mhix talli qed tappoġġja lir-Russja iżda qed tferrex il-propaganda ta’ Moska madwar id-dinja’. Iċ-Ċina qed tkun ikkritikata wkoll b’li qed taqbeż għar-Russja fl-organizzazzjonijiet internazzjonali minbarra li qed tiċħad dwar l-atroċitajiet li r-Russi qegħdin iwettqu kontinwament fil-konfront tal-poplu Ukren.