Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, wissa biex l-Ewropa u d-dinja ma jonqsux mill-istat ta’ allert għal kull ħjiel ta’ moviment minn Moska. Dan meta Zelensky jemmen ir-Russja diġà qed taħseb kif tista’ tibgħat it-truppi f’numru ta’ Stati (Ewropej) oħra tal-Lvant, fosthom il-Polonja u l-Bulgarija.
Zelensky ħareġ b’din it-twissija waqt diskors b’videolink lill-Parlament tar-Repubblika Ċeka – fejn tenna li l-President Russu Vladimir Putin u l-uffiċjali għoljin tiegħu fil-Kremlin ‘urew mingħajr dubju li kapaċi jaslu għal kollox.’.
Il-President Ukren, intant, sejjaħ għal aktar sanzjonijiet fuq ir-Russja u qal li hu ‘qed jipprova jaħseb bħalma jista’ qed jaħseb Vladimir Putin f’dan il-mument’.
Zelensky, f’kumment sinifikanti qal li r-Russja mhix interessata biss fl-ibliet Ukreni ta’ Kiev, Kharkiv, Mariupol u Severodonetsk u meta, fil-verità, għandha l-ambizzjonijiet ‘biex taħtaf’ aktar reġjuni Ewropej tal-lvant. Dan bħala parti mill-ossessjoni ta’ Putin biex jagħti ħajja ġdida – u isem differenti – lil entità ta’ pajjiżi li tirrifletti ‘il-qawmien’ tal-eks Unjoni Sovjetika komunista.
Il-Mexxej Ukren, fl-istess ħin, ma żvelax is-sorsi ta’ din l-informazzjoni iżda insista li l-passat huwa mera tal-futur f’din is-sitwazzjoni.
‘Bħalma seħħ fil-passat, l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi tista’ tkun l-ewwel pass minn Moska biex twitti t-triq għall-invażjoni ta’ pajjiżi oħra –bl-ambizzjonijiet tal-Kremlin jinkludu l-impożizzjoni tal-poter fuq id-diversi popli sovrani’, qal Zelensky.
//= $special ?>

