Lokali

Il-Ministru jikkonferma li se jħalli skejjel jistennew 5 snin għall-arja kundizzjonata

Minkejja l-ilmenti kontinwi ta’ studenti, għalliema u ġenituri…. eluf ta’ skejjel f’Malta u f’Għawdex ser jibqgħu mingħajr arja kundizzjonata għal numru ta’ snin oħra.

Il-proċess biex jitwaħħal dan l-apparat, għal xi skejjel ser jieħu xhur, iżda għal oħrajn ser jieħu snin. Kwistjoni li xejn mhi tinżel tajjeb mal-istudenti u l-għalliema li ser ikollhom jibqgħu jaffaċjaw lezzjonijiet f’ambjent xejn feliċi.

Il-kwistjoni tal-arja kundizzjonata fl-iskejjel kienet waħda li l-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima ġie mistoqsi dwarha minn Net News matul din il-gimgha.

“Kemm hemm skejjel li għandhom Acs fihom?” ġie mistoqsi l-Ministru.

“Dik hija informazzjoni illi tqegħdet fil-Kamra tal-Parlament. Li nista’ ngħidlek hu li kienet din l-amministrazzjoni ta’ Gvern Laburista li bdiet twaħħal il-units tal-ACs fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex,” wieġeb Clifton Grima. “Din hija wegħda elettorali u se nkomplu naraw li din titwettaq tul il-leġiżlatura kollha.”

Il-Ministru spjega li dan huwa proċess li qed taħdem fuqu l-fondazzjoni tal-iskejjel ta’ għada, u reġa’ saħaq li l-proċess se jkun lest tul il-leġiżlatura. Fi kliem ieħor f’temp ta’ 5 snin.

Dan ifisser li hemm studenti li deħlin fi skejjel primarji u sekondarji, li jilħqu joħorġu minnhom qabel ma dawn l-iskejjel ikollhom arja kundizzjonata.

Dan ifisser li eluf ta’ studenti, matul il-ħajja skolastika tagħhom, ser jibqgħu qatt ma jitgħallmu f’ambjent xieraq, kemm fix-xitwa meta tkun ħafna kesħa u b’mod partikolari fis-sajf meta s-sħana tkun waħda insopportabbli.

“Dan il-proċess, għandna idea jekk hux se jieħu sena, sentejn, tlieta, għaliex il-leġiżlatura hija ħames snin, jiġifiieri se jkun hemm skejjel li ser jistennew 5 snin jew huwa proċess li ser jitlesta qabel?” reġa’ ġie mistoqsi l-Ministru.

“Huwa proċess li huwa wieħed kontinwu. Kull skola għandha id-dinamika tagħha,” wieġeb Clifton Grima. “L-iskejjel il-ġodda li tlestew fl-aħħar 10 snin qed isiru bl-arja kundizzjonata. B’differenza ta’ dak li kien isir fil-passat fejn sal-2013 l-iskejjel il-ġodda mhux dejjem kien ikollhom arja kundizzjonata. Pero oltre dan kollu. Hemm diversi skejjel li qed isir l-assesment fuqhom għaliex għandhom skejjel differenti minn ohrajn f’dik li hija binja u allura huwa process kontinwu tul il-legizlatura kollha jkollhom l-arja kundizzjonata.