Għall-Partit Nazzjonalista, il-bżonnijiet tal-morda u l-vulnerabbli huma prijorità assoluta, iżda jikkundanna l-mod kif il-Ministru tas-Saħħa qed jittratta r-relazzjonijiet Industrijali u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema daqslikieku kriminali, tant li lest jieħodhom il-Qorti.
Dan ħareġ fi stqarrija mill-Kelliem għax-Xogħol u s-Settur Marittimu, Ivan Castillo u l-Kelliema għad-Djalogu Soċjali, il-Libertajiet Ċivili u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete, Claudette Buttigieg f’isem il-Partit Nazzjonalista hekk kif tkompli tgħid li l-Partit iħoss li dan imur kontra l-ispirtu tad-djalogu soċjali u hu prova li l-Gvern Laburista ma jismax lill-ħaddiem u l-bżonnijiet tiegħu. Din hi wkoll prova ta’ kif il-Gvern abdika mir-responsabbiltà tiegħu li jiddjaloga mal-imsieħba soċjali u li turi l-inkapaċità tiegħu li jagħmel dan.
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa ħareġ memo dwar Mandat ta’ Inibizzjoni kontra d-direttiva tal-MUMN, li oriġinat wara li l-istess Segretarju Permanenti rrifjuta li jiddiskuti kwistjonijiet li l-Union ħasset li huma pertinenti biex jiżdied l-impjieg tal-infermieri u li tibda diskussjoni biex titneħħa l-capping fuq il-pensjonijiet, xi ħaġa li l-istess Segretarju Permanenti jibbenefika minnha.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif il-Ministru qed ikompli jinjora l-bżonnijiet ippreżentati mir-rappreżentanti tal-infermieri, tant li lanqas biss wieġeb emails li ntbagħtulu.
Ironikament, kien l-istess Ministru li mal-ewwel qabeż fuq il-karru politiku fi żmien il-pandemija meta uża politikament lill-infermieri u lill-carers, iżda issa jippreferi jieħodhom il-Qorti milli jisma’ kif jista’ jattira aktar ħaddiema lejn is-settur.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen fid-drittijiet mogħtija lill-unions u fid-dritt li dawn jeżerċitaw id-drittijiet stipulati mil-Liġijiet ta’ Malta. Min-naħa l-oħra, jemmen li hu aktar importanti li jsir id-djalogu għax dan hu t-triq ‘il quddiem, kif ukoll kemm jinstemgħu t-talbiet li jsiru u mhux kemm jissejħu laqgħat.
Għaldaqstamt il-Partit Nazzjonalista jistaqsi jekk dan huwiex ir-rispett u l-gratitudni li l-Gvern Laburista qed juri lill-frontliners u lill-professjonisti li tant issagrifikaw biex jassiguraw il-benesseri tagħna.
Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi wkoll lill-Gvern jekk dan hux il-mod kif mingħalih li se jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol biex ikun assigurat li jintlaqgħu l-ħtiġijiet immedjati u essenzjali għall-professjonisti u l-ħaddiema fis-settur tas-saħħa.
Fuq kollox, il-Partit Nazzjonalista jemmen aktar fid-djalogu u mhux li l-Gvern jiddetta. Għaldaqstant, jappella lill-Gvern biex jirrispetta l-wegħdiet li saru qabel l-elezzjoni ġenerali b’rabta mar-relazzjonijiet industrijali u d-djalogu soċjali.