Il-Partit Nazzjonalista jifhem ir-rabja tal-Maltin u l-Għawdxin meta qed jaraw massakru wara l-ieħor fl-irħula, fl-ibliet u fil-kampanja ta’ pajjiżna, fosthom bl-eżempji riċenti anke fil-Gżira Għawdxija. Għax filwaqt li l-Partit Nazzjonalista mhux kontra l-iżvilupp iżda favur żvilupp sostenibbli, il-Gvern Laburista bil-kliem qed jgħid mod iżda bil-fatti jaġixxi mod ieħor.
Dan ħareġ fi stqarrija mill-Kelliem għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Stanley Zammit, il-Kelliem għal Għawdex, Alex Borg, u l-Kelliema għall-Ambjent, il-Ħolqien tal-Ispazji Ġodda u d-Drittijiet tal-Annimali, Janice Chetcuti f’isem il-PN fejn tkompli l idwar il-każi riċenti f’Għawdex, il-Partit Nazzjonalista jinnota kif l-Awtorità tal-Ippjanar, minflok imxiet b’mod rett u ġust mal-Pjan Lokali, imxiet mal- interpretazzjoni tal-“ispirtu” tal-istess Pjan u, għax saru xi tibdiliet żgħar mill-pjan oriġinali u żdiedu tliet siġriet fuq kull naħa tal-iżvilupp, approvat l-applikazzjoni kontra kull parir mogħti lilha.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar kif, fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi ammetta li dejjem qed jiżdied in-numru ta’ każi fejn id-deċizjonijiet meħuda mill-Awtorità tal-Ippjanar imorru kontra r-rakomandazzjonijiet u l-opinjonijiet tal-Ufficjali tal-istess Awtorità jew ta’ awtoritajiet oħrajn. Dan f’sinjal ċar fejn l-interessi ta’ wħud qed jingħataw prijorità fuq l-interess tal-ġid kommuni.
Il-Gvern, bin-nuqqas ta’ politika serja u integra tal-ippjanar fl-aħħar snin, fosthom bil-frammentazzjoni tar-responsabbiltajiet ta’ awtoritajiet differenti u b’policies ambigwi u kultant kontradittorji, kif ukoll proċessi ikkumplikati u burokratiċi qed ikompli jgħin dawn il-kurrenti li ħolqu u qed joħolqu preċedenti li wasslu għal ċirku vizzjuż ta’ sfreġji fl-irħula, fl-ibliet u fil-kampanja tagħna.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif, fl-aħħar mill-aħħar, huma n-nies li qed ibatu minħabba din it-tip ta’ governanza, fejn it-trasparenza hi mċajpra u l-akkontabbiltà ma teżistix, bin-nies, ir-rappreżentanti tagħhom u l-NGOs jispiċċaw injorati għal kollox. Dan qed iwassal għal żvilupp li la hu sosstenibli u wisq anqas iħares l-ambjent fejn ngħixu, naħdmu u nistrieħu.
Għalxejn il-Gvern iwiegħed spazji miftuħa u ħodor, jekk sfaċċatament qed jippermetti l-qerda ta’ dak li diġà għandna.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jemmen li żieda fil-parteċipazzjoni attiva twassal għal governanza aħjar. Dan jinkludi parteċipazzjoni akbar u aktar effettiva tal-partijiet kollha interessati, mhux lanqas tal-għaqdiet volontarji ambjentali u tal-Kunsilli Lokali fil-livelli kollha fejn jittiehdu d-deċiżjonijiet, inkluż id-dritt għal vot. Barra minhekk, konsultazzjoni reali fil-livelli kollha għandha ssir obbligatorja.
Jenħtieġ li mingħajr aktar tkaxkir tas-saqajn, il-Gvern jindirizza bis-serjetà l-modi li bihom irridu nżidu l-kompetittività ta’ pajjiżna b’politika serja u integra li twassal għal policies u proċessi tal-ippjanar li jtejbu u jarrikkixxu l-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll u mhux ta’ wħud biss.