Lokali Qorti

Il-Qorti tordna lill-Pulizija biex jesebixxu emails ta’ Rosianne Cutajar fuq vjaġġ li kien jinvolvi lil Yorgen Fenech

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello li semgħet kawża ta’ libell ippreżentata mid-Deputat Laburista Rosianne Cutajar kontra Mark Camilleri ordnat lill-investigatur ewlieni tal-omiċidju fil-każ ta’ qtil kontra Yorgen Fenech biex ifittex il-provi fil-każ ta’ email li tikkonferma vjaġġ barra minn Malta li kien jinvolvi lil Yorgen Fenech u d-Deputat Rosianne Cutajar.

Il-Qorti iżda ma laqgħetx it-talba taċ-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri biex tordna l-esebizzjoni ta’ chats bejn Yorgen Fenech u Cutajar mill-evidenza miġbura fl-investigazzjoni tal-qtil. Mark Camilleri tressaq il-Qorti għal seduta tal-kawża ta’ libell li tressqet kontrih mid-Deputat Laburista Rosianne Cutajar.

Peress li l-Qorti kienet laqgħet it-talba ta’ Cutajar għall-inverżjoni tal-prova f’seduta preċedenti, l-avukat ta’ Camilleri, Joseph Mizzi, sejjaħ lis-Supretendent Keith Arnaud fuq il-pedana fl-awla. Mizzi kien talab lix-xhud jesebixxi kopji ta’ chats bejn Yorgen Fenech u Cutajar, li jiffurmaw parti mill-provi fil-kawża kontra Fenech.

Iżda l-qorti mblukkat it-talba, u rrimarkat li s-Supretendent ma setax jintalab jixhed dwar evidenza esibita fi proċeduri kriminali. “Qed tistenna li s-Supretendent imur jieħu kopja tal-messaġġi mill-fajl tal-każ?” staqsiet il-Maġistrat. “Li naf hu li s-suprentendent għandu din l-informazzjoni,” wieġeb l-avukat. Il-Maġistrat irrimarkat li kien meħtieġ il-permess tal-Qorti Kriminali sabiex tiġi esebita din l-informazzjoni.

L-Avukat Mizzi rribatta, u sostna li l-Qorti Kriminali kienet diġà tat digriet li jippermetti li din l-informazzjoni tiġi esebita fi proċeduri oħra. Il-qorti ma kinitx influwenzata, madankollu, insistiet li l-permess tal-qorti superjuri kien għadu meħtieġ.

Arnaud ġie mistoqsi jekk kienx fil-pussess ta’ xi emails relatati ma’ żjara f’lukanda f’Pariġi bbukkjati fuq Xpedia. “Jien ħarist biss lejn l-informazzjoni relatata mal-qtil,” wieġeb is-Supretendent. “Xi ħadd imbagħad għamel proċess ta’ filtrazzjoni,” issuġġerixxa Mizzi.

Iżda Arnaud qal li ma kienx jaf min kien iffiltra l-informazzjoni, filwaqt li tenna “Ordnajt lit-tim tiegħi biex iħares biss lejn l-informazzjoni rilevanti.” Il-Maġistrat ordnatlu jfittex għaliha, kif ukoll għal skambju ta’ korrispondenza bejn Fenech u Diane Izzo.

Il-Qorti, iżda, osservat ukoll li x-xhud ma kienx il-persuna ideali li tiġi mħarrka biex tixhed dwar l-informazzjoni mitluba fit-taħrika, peress li jkunu jridu jsiru kopji mill-atti ta’ kawża kriminali. Dan kien jeħtieġ il-permess speċjali tal-qorti li tisma’ l-proċeduri, qalet il-maġistrat. Mark Camilleri kien mistenni jixhed illum iżda l-Qorti ġiet avżata li dan kellu jsir fis-seduta li jmiss peress li d-difiża riedet tesebixxi l-provi minn qabel. Il-każ ikompli f’Settembru.