Għat-tieni darba f’temp ta’ sitt xhur, il-prodotti tal-ħalib lokali se jaraw żieda fil-prezz tagħhom minħabba żieda ta’ madwar 50 fil-mija fil-prezz tal-magħlef u ġwież tal-annimali.
Dan hekk kif il-kumpanija Benna avżat lill-ħwienet tal-merċa u lis-supermarkets li minn nhar it-Tnejn 20 ta’ Ġunju se jiżdiedu l-prezzijiet ta’ diversi prodotti bħall-ġbejniet, il-krema, il-butir u l-mozzarella.
Filwaqt li l-ħalib minnu nnifsu mhux se jkun qiegħed jiżdied, ħafna mill-prodotti l-oħrajn tal-Benna se jkollhom żieda fil-prezz.
- Il-butir se jkun qiegħed jiżdied b’5 ċenteżmi – minn €2.85 għal €2.90
- Il-krema friska ta’ 250ml se tiżdied b’25 ċenteżmu – minn €1.10 għal €1.35
- Il-krema friska ta’ 500ml se tiżdied b’45 ċenteżmu – minn €1.90 għal €2.35
- Il-ġbejniet tal-bżar, bojod, mħawra u bil-ħabaq (għal kull kilo) se jiżdiedu b’€1.50 – minn €12.00 għal €13.50
- Il-ġbejna friska se tiżdied b’5 ċenteżmi – minn 90c għal 95c
- Basket kilo rkotta – €4.25
- 250gr rkotta se jiżdied bi 15-il ċenteżmu – minn €1.75 għal €1.90
- Irkotta mingħajr lactose – €2.05
- 125gr Mozzarella friska se jkollha żieda ta’ 8 ċenteżmi – minn €1.50 għal €1.58
- 150gr Mozzarella friska żieda ta’ 10 ċenteżmi – minn €1.80 għal €1.90
- 250gr Mozzarella tal-Pizza żieda ta’ 5 ċenteżmi – minn €2.35 għal €.2.40
- 1Kg Mozzarella tal-Pizza żieda ta’ 20 ċenteżmu – minn €8.90 għal €9.10
- Żieda sostanzjali wkoll fit-tipi ta’ yoghurts differenti li toffri l-Benna.
Dan kollu jfisser, fi kliem sempliċi, illi bl-għajnuna biss tal-għoli tal-ħajja li jagħti l-Gvern – jiġifieri €1.75 fil-ġimgħa – persuna mhux se tkun taffordja tixtri żewġ ġbejniet kull ġimgħa.
Iż-żidiet ta’ dawn il-prodotti bażiċi tal-ikel żgur illi se jixħtu aktar piż fuq il-konsumatur, li kull ma jmur qed jara l-prezzijiet jiżdiedu b’rata allarmanti.
Minn naħa l-oħra, nies li jaħdmu f’dan is-settur qed jisħqu li din iż-żieda kienet waħda li bilfors kellha ssir. Dan għaliex ir-raħħala Maltin u l-kumpanija Benna ilhom għal żmien twil iġorru d-daqqa li ħadet din l-industrija; speċjalment issa bl-isfidi li qed iġġib magħha l-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa.
Stqarrija mill-MDP
Fl-aħħar 84 sena, l-MDP dejjem tat prijorità lill-konsumatur Malti. Minkejja l-isforzi talkumpanija biex tassorbi ħafna mill-ispejjeż addizzjonali matul il-pandemija, il-gwerra li għaddejja wasslet għal żieda oħra f’daqqa fil-prezzijiet li l-kumpanija m’għandhiex kontroll tagħhom.
Minħabba f’hekk, dawn iċ-ċirkostanzi ġiegħlu lill-kumpanija żżid il-prezzijiet ta’ wħud mill-prodotti mibjugħa taħt il-marka ‘Benna’.
Il-kumpanija għandha d-dmir li tiżgura li l-konsumaturi tagħha jiġu pprovduti b’mod konsistenti bi prodotti tal-ħalib li mhux biss huma ġenwini u magħmulin lokalment iżda nutrittivi fuq bażi ta’ prezz tajjeb. Minħabba f’hekk, il-prezz tal-ħalib frisk mibjugħ fil-kartuna, li huwa prodott essenzjali fid-dieta Maltija, se jibqa’ l-istess.
L-għan tal-MDP hu li żżomm l-industrija agrikola lokali b’saħħitha biex tiggarantixxi provvista kostanti ta’ 100% ħalib frisk li mhux biss huwa wieħed mill-aktar prodotti nutrittivi fis-suq iżda sar ukoll parti mill-kultura Maltija. Dan huwa possibbli biss bl-użu ta’ materja prima tal-ogħla kwalità, li qed tiżdied fil-prezz b’mod drastiku. L-MDP qed u se tkompli taħdem ħafna biex tiżgura li l-konsumatur lokali ma jkunx imtaqqal mill-volatilità bla kontroll tal-prezzijiet. Ilkumpanija temmen li l-konsumatur lokali jifhem l-importanza tas-sostenn tal-industrija lokali tal-ħalib u l-provvista ta’ ħalib frisk.
L-MDP tħares ‘il quddiem bil-ħerqa sabiex tara l-pajjiżi fil-gwerra jsolvu l-kwistjonijiet tagħhom bir-raġuni u l-empatija, sabiex ir-riżorsi l-aktar meħtieġa tad-dinja bħall-ikel jibqgħu affordabbli għall-komunitajiet tad-dinja. Il-kumpanija tieħu din l-opportunità biex tirringrazzja lill-klijenti kollha tagħha għal-lealtà kontinwa tagħhom lejn il-prodotti Benna.
//= $special ?>