Lokali Qorti

Mixli li dawwar cable charger m’għonq it-tfajla tiegħu ta’ 17-il sena li hija tqila

Żagħżugħ ġie mixli li attakka u weġġa’ t-tfajla tiegħu ta’ 17-il sena li hija tqila, f’dak li hu maħsub li kien argument fuq flokk. L-Ispettur Eman Hayman ressaq il-Qorti lil Kurt Muscat ta’ 22 sena minn San Ġiljan quddiem il-maġistrat Astrid May Grima, u akkużah li attakka u kkaġuna ġrieħi lit-tfajla tiegħu li hija tqila, li weġġagħha ħafif, kif ukoll li heddidha. L-inċident seħħ nhar it-Tlieta, 14 ta’ Ġunju.

Huwa kien ġie arrestat wara li l-pulizija rċeviet rapport li l-imputat kien poġġa jdejh ma’ għonq it-tfajla li qed tistenna tarbija. L-Avukat tiegħu, Franco Debono qal li Muscat kien arrestat wara li volontarjament mar l-għassa biex jiċċekkja fuq materja mhux relatata.

Mal-arrest tiegħu, huwa kien insista li l-marki fuq għonq l-allegata vittma kienu kkaġunati mill-vittma nnifisha. Il-vittma sostniet li r-raġel kien mar jaraha l-isptar biex ikompli bl-argument. Muscat kien spjega lill-investigaturi li l-mara kienet għamlet il-marki li nstabu fuq għonqha, hi stess b’cable charger tal-mowbajl.

Huwa kien ta struzzjonijiet lil oħtu biex iċempel lill-pulizija. L-Avukat Debono qal lill-Qorti li kien hemm “kontestazzjoni qawwija” tal-fatti u argumenta biex ir-raġel jingħata l-ħelsien mill-arrest, filwaqt li rrimarka għall-“ġenwinità” tar-raġel u l-fatt li ma kienx joqgħod mal-allegat vittma.

L-Ispettur Hayman sostna li kien hemm verżjonijiet konfliġġenti tal-avvenimenti, u li l-pulizija kienet wettqet eżerċizzju twil ta’ paragun ta’ dawn il-verżjonijiet, li essenzjalment fuq jekk l-inċident kienx wieħed ta’ ħsara jew swat. Il-pulizija waslu għall-konklużjoni li l-verżjoni tal-vittma kienet tagħmel aktar sens, huwa qal, mhux l-inqas għax l-argument kien aktar tard kompla f’post ieħor.

Debono sostna li f’dan l-istadju l-qorti mhix qed tistabbilixxi l-ħtija, iżda jekk l-akkużat jistax ikun mistenni josserva l-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja, u żied li ħafna mill-provi dehru li diġà nġabru. Il-Qorti laqgħet it-talba għal libertà proviżorja ta’ Muscat, kontra depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000 li ordnat ukoll li josserva curfew u imponiet ordni ta’ protezzjoni favur iż-żagħżugħa. Il-qorti imponiet projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-isem tal-vittma.