Lokali

Raġel imfittex u ieħor arrestat wara aggressjoni f’Qui-si-Sana

Il-Pulizija għaddejjin bi tfittxija ta’ suspettat u arrestat ieħor wara li raġel ta’ 62 sena spiċċa aggredit f’Qui Si Sana f’Tas-Sliema ftit wara s-7 tal-Ħamis filgħodu.

Fil-post waslu minnufih l-uffiċjali tal-Pulizija fejn sabu r-raġel Malti li spiċċa aggredit qrib il-ġnien George Bonello Dupuis fejn ftit tal-minuti wara rnexxielhom jaqbdu wieħed miż-żewġt irġiel li ħebbu għall-vittma. Qrib l-allegat aggressur instabet sikkina bil-Pulizija għaddejjin bl-investigazzjonijiet meħtieġa sabiex jistabilixxu jekk effettivament din kienet tar-raġel arrestat jew le.

Dan filwaqt li l-Pulizija għaddejja bit-tfittxija tat-tieni suspett li ħarab mill-post.

F’informazzjoni li nxterdet fuq Facebook mill-vittma nnifsu huwa rrakkonta kif waqt li kien qed jiġri max-Xatt wieħed minn żewġt irġiel li kienu jinsabu bilqiegħda fuq bank qam għalih u tah daqqa ta’ ponn mingħajr ebda provokazzjoni bil-konsegwenza li xeħtu mal-art.

Filwaqt li kien qiegħed jgħajjat għall-għajjut, is-suspettati ħarbu jiġru mill-post.

Intant huwa rringrazzja lill-Pulizija iżda staqsa jekk ix-Xatt ta’ Tas-Sliema għadux sigur għall-pubbliku.

Dan l-inċident seħħ ftit jiem biss wara li s-Sindku ta’ Tas-Sliema John Pillow spiċċa ġarrab xi ġrieħi wara li huwa wkoll kien aggredit minn xi persuna fl-istess lokalità.