Internazzjonali

Renju Unit: Is-sidien tal-iPhones jistgħu jirbħu l-miljuni f’kumpens

Miljuni ta’ residenti fir-Renju Unit li qed jużaw l-iPhones jistgħu jkunu eliġibbli għal miljuni ta’ liri Sterlina, bħala kumpens għal allegati abbużi li saru f’dawn it-telephones ċellulari.

Dan wara li tressaq każ legali kontra l-kumpannija Apple fost akkużi li l-kumpannija ħadmet minn taħt biex tnaqqas mill-effiċjenza tal-batteriji fil-mudelli antiki tal-iPhone.

Hemm ukoll allegazzjonijiet li l-kumpannija Apple qarrqet bin-nies li xtraw l-iPhones b’konnessjoni ma’ upgrade li suppost kellu jtejjeb l-effiċjenza tal-mowbajl iżda minflok serva biex l-iPhones jaħdmu aktar bil-mod milli suppost.

Intant, Justin Guttmann, li hu attivist favur id-drittijiet tal-konsumatur u li qed jallega li l-kumpannija Apple qarrqet bil-klienti, qiegħed jitlob kumpens ekwivalenti għal 768 miljun Sterlina għal xi 25 miljun ċittadin fir-Renju Unit li qed jużaw l-iPhones.,

Kelliema għal Apple qalu li qatt ma kellhom l-intenzjoni li jnaqqsu l-effettività tal-prodotti tagħhom. Madankollu, Gutmann ressaq xorta l-każ quddiem Tribunal għall-Appelli fejn qed jallega li l-kumpannija Apple użat sistema magħrufa bħala ‘throttling’ biex tevita sitwazzjonijiet ta’ spejjeż u ta’ tiswijiet relatati mas-servizz.