Internazzjonali

Sirja: Jinħataf kap tal-ISIS waqt rejd

Il-qawwiet tal-koalizzjoni li qed titmexxa mill-Istati Uniti rnexxielhom jaqbdu wieħed mill-kapijiet ewlenin tal-grupp terroristiku ISIS…Dan it-terrorista nqabad waqt rejd fil-villaġġ ta’ al-Humayra, li tinsab fil-provinċja Sirjana ta’ Aleppo viċin il-fruntiera tat-Turkija.

Intant, it-terrorista li nqabad hu magħruf bħala espert fil-produzzjoni tal-bombi u meta hu wkoll allegat li r-raġel kien strumentali wkoll fl-ippjanar tal-attakki terroristiċi. Kelliema għall-koalizzjoni, issa, identifikaw lill-kap tal-ISIS maqbud bħala Hani Ahmed al-Kurdi, li spiċċa f’idejn it-truppi li twasslu bil-ħelikopter f’dik iz-zona tas-Sirja.

Jidher ukoll li waqt ir-rejd seħħew l-isparaturi bejn it-truppi u xi persuni armati fil-villaġġ fejn kien qiegħed al-Kurdi. Il-ġlied jidher li kompla sakemm telqu minn hemm il-ħelikopters li niżlu, bis-suldati u l-priġunier, f’reġjun ta’ Aleppo li hu kontrollat mill-gruppi tar-ribelli appoġġjati mit-Turkija.

Il-koalizzjoni qalet li r-rejd irnexxa wkoll fl-iskop li jimminimizza l-possibbiltà ta’ vittmi ċivili u li fl-azzjoni ma weġġgħu l-ebda persuni innoċenti.