L-Arċisqof ta’ Malta u l-Imam flimkien ma’ diversi persuni oħra fakkru l-memorja ta’ Lassana Cisse hekk kif wara tliet snin mill-qtil tiegħu, il-katavru se jkun qed jittieħed lura pajjiżu.
Dan sar fil-Moskea fejn ħbieb ta’ Cisse f’pajjiżna setgħu jtuh l-aħħar tislima permezz ta’ ġabra ta’ talb.
Kemm l-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna u anke l-Imam, Mohammed El Sadi appellaw biex issir ġustizzja għall-qtil meqjus bħala razzjali. Dan sabiex pajjiżna jassigura li ma nerġgħu naraw każ simili li ħa l-ħajja ta’ persuna innoċenti.
L-Arċisqof saħaq kif minn din il-vjolenza għandna nitgħalmu li wieħed ma jieħu xejn u b’hekk inħarsu ‘l quddiem biex fis-soċjetà Maltija jirrenjaw l-imħabba u r-rispett bejn kull persuna.
Intqal kif Cisse kien ġie Malta b’tama għal ħajja aħjar kemm għalih u anke għall-familja li ħalla warajh f’pajjiżu… iżda li sfortunatament, ħajtu kellha tintemm kaġun tar-razziżmu.
Lassana Cisse, missier ta’ tliet itfal mill-Kosta tal-Ivorju li kellu 42 sena, kien inqatel kiesah u biered fil-lejl tas-6 t’April tal-2019 wara li żewġ suldati li kienu jiffurmaw parti mill-Forzi Armati ta’ Malta, Francesco Fenech u Lorin Scicluna allegatament sparaw fuq tliet immigrant.
Il-katavru ta’ Cisse kien ġie rilaxxat għad-difna disa’ xhur wara l-qtil tiegħu… iżda għal xi raġun li baqgħet mhux magħrufa, il-katavru nżamm fil-kamra mortwarja għal sentejn sħaħ. Sa Marzu tal-2020, il-Gvern Malti kien wiegħed li r-ripatrijazzjoni ssir, bil-familja kellha tiġri wara l-Gvern biex il-katavru jintbgħat lura.