Internazzjonali

Unjoni Ewropea: Favur li l-Ukrajna tikseb status ‘immedjat’ bħala kandidat għal sħubija

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron qal li l-Mexxejja Ewropej li għaddejjin bi żjara fi Kiev huma ‘favur’ li l-Ukrajna tingħata status ‘immedjat’ bħala kandidat għal sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Olaf Scholz, il-President Macron u l-Prim Ministru Taljan, Mario Draghi, fl-aħħar sigħat, issieħbu f’taħditiet ta’ livell għoli mat-Tmexxija fi Kiev — bil-President Ukren Volodymyr Zelensky jinsisti biex ‘l-Ewropa timponi jerġa’ aktar sanzjonijiet fuq ir-Russja’ minbarra li tipprovdi lill-Ukreni b’aktar armamenti ħalli huma jirreżistu l-invażjoni tal-qawwiet tal-Kremlin.

Din hi anki  l-ewwel żjara tat-tliet mexxejja fl-Ukrajna mindu dan il-pajjiż spiċċa jiġġieled il-gwerra mar-Russja.

Intant, it-tliet mexxejja qed jippruvaw irażżnu kritika li ‘l-appoġġ li huma taw (s’issa) lill-Ukreni seta’ ma kienx tal-livell meħtieġ’ – kuntrarju għar-Renju Unit u l-Istati Uniti li ma żammewx lura milli jipprovdu diversi tipi ta’ armamenti lill-Ukreni biex jirreżistu aħjar lill-qawwiet tar-Russja.

Sadanittant, Scholz, Macron – li kemm-il darba spiċċa kritikat talli żamm il-kuntatti mal-President Russu Vladimir Putin –u Draghi, waqt din iż-żjara, offrew għajnuna finanzjarja u umanitarja, flimkien ma’ armamenti, lill-Gvern Ukren.

Iż-żjara kienet anki sinifikanti minħabba li l-Ukrajna, qabel, kienet akkużat lill-Kanċillier Scholz b’li kien qed jipprova jibbilanċja l-appoġġ għall-Ukreni ‘max-xewqa tiegħu biex iżomm relazzjoni tajba ma’ Moska’. Dan minħabba li l-Ġermanja qed timporta l-parti kbira tal-gass tagħha mingħand ir-Russja.

Intant, Scholz qal li ż-żjara tiegħu u tal-mexxejja l-oħra fl-Ukrajna ma kenitx biss żjara ta’ solidarjetà iżda anki impenn biex it-tliet pajjiżi Ewropej ikomplu jgħinu lill-Ukrajna u ċ-ċittadini tagħha,

Fl-istess ħin, il-mexxejja żaru numru ta’ postijiet, fosthom il-belt ta’ Irpin li kienet spiċċat okkupata mit-truppi Russi fl-ewwel jiem tal-gwerra fl-Ukrajna, li ilha mill-24 ta’ Frar.

It-tliet mexxejja Ewropej, intant, spezzjonaw il-ħsarat tal-gwerra f’Irpin (fil-limiti ta’ Kiev) u fejn kienu rappurati l-ewwel atroċitajiet tas-suldati Russi fuq il-poplu ċivili lokali. Intant, f’Irpin għaddejja ħidma biex il-ħajja tirritorna għan-normal, bil-mexxejja Ewropej ifissruha bħala ‘belt kuraġġjuża li għadha tbati mill-istigmata tal-barbariżmu’.

Min-naħa tiegħu, Emmmanuel Macron sostna li l-Ukrajna ‘għandha tkompli tirreżisti saż-żmien meta r-rebħa f’din il-gwerra tkun tagħha’. Hu żied, intant, li Franza ilha tipprovdi appoġġ u sostenn lill-Ukreni sa mill-bidu tal-invażjoni.