Sport Sport Ieħor

Weightlifting: Żewġ eks uffiċjali għolja tal-IWF sospiżi għal għomorhom fuq ksur ta’regoli kontra d-doping

Tamas Ajan lura fl-2014 meta kien President tal-IWF (Ritratt: EPA)

L-eks President tal-IWF, l-Ungeriż Tamas Ajan, r-Rumen Nicu Vlad ġew sospiżi għal għomorhom waqt seduta tal-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport il-CAS.

Vlad huwa eks kowċ ewlieni tal-Federazzjoni Rumena tal-Weightlifting u eks viċi-president tal-kummissjoni kontra d-doping tal-IWF.

Ajan ingħaqad mal-IWF fl-1976, serva 24 sena bħala s-segretarju ġenerali u 20 bħala President qabel ma rriżenja f’April tal-2020.

Dikjarazzjoni tal-Cas qalet li rċeviet talbiet għall-arbitraġġ ta’ ksur tar-regoli kontra d-doping kontra Ajan u Vlad f’Diċembru 2021 b’rabta ma’ allegat involviment fit-tbagħbis tal-proċess ta’ kontroll tad-doping kompliċità fi ksur ta’ regoli kontra d-doping li jinvolvi atleti tal-Weightlifting fuq perjodu ta’ ħafna snin mill-2012”.

F’Ġunju 2020, rapport indipendenti sab “korruzzjoni fl-ogħla livell” fil-Weightlifting internazzjonali u li Ajan kien daħħal kultura ta’ biża. Fost l-allegazzjonijiet kontra Ajan kien intqal li l-Ungeriż żamm flus minn multi għalih personali, u li ħeba mal-40 test pożittiv, inluż ta’ atleti li rebħu midalji tad-deheb u tal-fidda f’Kampjonati tad-Dinja.