Christian Borg – il-ħabib tal-Prim Ministru Robert Abela u l-persuna li hu akkużat b’akkużi serji fil-qorti, jinsab fuq quddiem biex jingħata tender ta’ miljuni ta’ Ewro biex jissupplixxi karozzi lill-istess qorti. Dan ifisser li l-imħallfin u l-maġistrati – li quddiemhom hemm il-każ tal-akkużi serji ta’ kidnapping ta’ Borg – jistgħu dalwaqt ikunu qed jinstaqu f’karozzi ta’ Christian Borg innifsu.
L-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti, l-entità li tamministra l-qorti, tinsab għaddejja bi proċess ta’ evalwazzjoni li jista’ jwassal biex Princess Operations Ltd tingħata kuntratt ta’ €2.5 miljun għall-kiri ta’ 48 karozza plug-in hybrid biex jintużaw mill-membri tal-ġudikatura u l-familji tagħhom.
F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha, il-ħabib ta’ Christian Borg, Robert Abela, semma’ kemm ‘il darba li se “jiġġieled kontra l-kriminalità” u li daħħal “sistemi robusti li jiġġieldu kontra l-kriminalità”, il-Prim Ministru kien mistoqsi jekk l-allegat kriminal, hux se jingħata t-tender biex jissuplixxi lill-qorti bl-imsemmija karozzi.
Robert Abela saħaq li dan il-proċess jinsab f’idejn il-qorti u spjega li l-proċess jinsab fl-istadju ta’ evalwazzjoni u stqarr li mhux se jinterferixxi fil-proċess. Hu qal li jinsab ċert li waqt l-evalwazzjoni “se jkunu meqjusa l-fatturi kollha.” Fir-risposta tiegħu, il-Prim Ministru qal li “definittavament mhux se nħarrsu lejn uċuh.”
Wara l-ħruġ ta’ tender f’Mejju li għadda, tliet kumpaniji applikaw biex ifornu karozzi lill-ġudikatura. It-tender għadu taħt evalwazzjoni, iżda l-ammonti fl-applikazzjoni jpoġġu lil Borg fuq quddiem biex jieħu t-tender permezz tal-kumpanija Princes Operations Limited.
Princess Operations hija kumpanija li Christian Borg għaddha lill-fotografu tal-Partit Laburista Joseph Camenzuli. Madanakollu, il-kumpanija għandha l-istess indirizz bħal Borg. U l-istess ħabib tal-Prim Ministru jidher fuqha bħala segretarju u shareholder permezz ta’ Princess Holdings Limited.
Princess Holdings għad għandha lil Christian Borg bħala Direttur, Shareholder, Segretarju u Rappreżentant Legali. Pero, minkejja li Borg qed jaffaċċja akkużi serji, Princess Operations tħalliet tagħmel offerta għat-tender tal-karozzi tal-maġistrati u l-imħallfin.
Apparti l-proċeduri fil-Qorti li se jkomplu fil-ġimgħat li ġejjin fuq allegat kidnapping, Borg huwa rrappurtat li jinsab taħt investigazzjoni dwar diversi allegati rackets kriminali. Apparti minn hekk, fl-aħħar xhur, Christian Borg u Robert Abela spiċċaw f’kontroversja kbira dwar deal ta’ proprjetà f’Ħaż-Żabbar li minnhu l-Prim Ministru allegatament daħħal €45,000.
//= $special ?>