Deskritt bħala falliment dak li għamel il-Gvern Malti fin-negozjati tal-UE dwar ir-regoli tal-avjazzjoni. Dan meta f’laqgħa li f’isem Malta, attenda għaliha l-Ministru Aaron Farrugia, ittieħed vot li se jpoġġi piżijiet addizzjonali fuq il-konsumatur u l-industrija Maltija.
Spjegalna aħjar dwar dan, il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Peter Agius, f’kummenti ma’ Net News. Peter Agius saħaq li dan huwa każ ieħor fejn il-Gvern Malti qed jonqos milli jadotta l-leġiżlazzjoni proposta għas-sitwazzjoni speċifika tagħna ta’ insularità u dipendenza fuq it-trasport bl-ajru.
Il-kandidat tal-PN qal li l-Ministri fi Brussell qed jitolbu lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport b’valutazzjoni dettaljata tal-impatt li se jkollhom ir-regoli fl-2027. Dan ifisser li sa dak iż-żmien, pajjiżna se jkun nefaq ammonti kbar żejda għal ħames snin sħaħ. Skont sorsi tal-industrija, il-leġiżlazzjoni l-ġdida se tara l-ispejjeż tal-fjuwil jogħlew sa sitt darbiet aktar mix-xenarju attwali.
Dan in-nuqqas tal-Gvern Malti jista’ wkoll ikollu effett negattiv fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna għaliex apparti li l-industrija tal-avjazzjoni f’Malta timpjega 4,000 professjonist, il-kompetittività tal-gżira tiddegrada wkoll f’din in-niċċa, sahaq Peter Agius fil-kummenti tiegħu.
//= $special ?>