Lokali

Il-PN itenni l-impenn u d-determinazzjoni tiegħu li jwettaq fil-prattika politika ta’ inklużjoni u ugwaljanza

F’laqgħa li kellu fl-aħħar jiem ma’ Drachma Parents u LGBTI+ Gozo, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tenna l-impenn u d-determinazzjoni tal-Partit immexxi minnu li jwettaq fil-prattika politika ta’ inklużjoni u ugwaljanza.

Il-laqgħa saret hekk kif ix-xahar ta’ Ġunju hu Pride Month u matulu jitfakkru l-istorja u l-kisbiet ta’ drittijiet għal persuni LGBTIQ fuq is-snin, filwaqt li titqajjem kuxjenza dwar l-isfidi soċjali li għadhom jeżistu.

Il-laqgħa kienet organizzata mill-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista (FOIPN) u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-President tal-Forum Jamie Vella u mill-Viċi President Stanley Portelli.

Preżenti wkoll il-Kelliema għal-Libertajiet Ċivili, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg, il-Kelliema għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea u l-Kelliema għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ.