Lokali

Il-PN jawgura li t-tneħħija mil-lista l-griża hi biss il-bidu u li l-Gvern jitgħallem minn din l-esperjenza qarsa

L-aħbar formali li l-Finanzial Action Task Force (FATF) neħħiet lil Malta mil-lista l-griża hi waħda pożittiva.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Finanza Jerome Caruana Cilia, il-Partit Nazzjonalista qal li ma’ din l-aħbar tiġi r-responsabbiltà li jinżammu l-istandards, li jinbnew aktar mekkaniżmi robusti ta’ kontroll u anke li jkunu mgħollija l-proċessi kollettivi ta’ viġilanza. Ma nistgħux naffordjaw li nnaqqsu l-attenzjoni meħtieġa.

Kulħadd, inklużi il-membri tal-Kabinett, jaf li l-istruttura laxka ta’ governanza tal-Gvern ħalliet impatt negattiv fuq il-potenzjal tal-pajjiż, filwaqt li ħolqot dell fuqna lkoll.

L-istqarrija tkompli tgħid li hemm bżonn li, bħala pajjiż, nitgħallmu mill-esperjenza qarsa li għixna minn nuqqasijiet mill-Gvern. Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jitlob governanza finanzjarja tajba.

Din l-aħbar pożittiva issa trid tkun segwita minn viżjoni ċara b’kontrolli robusti u li jerġgħu jagħmlu minn pajjiżna ġurisdizzjoni b’reputazzjoni rispettata li tikkompeti mal-oħrajn kollha.

Ikun ħasra jekk inħarsu biss lejn it-tneħħija mil-lista l-griża u nieqfu hemm, mingħajr ma nsegwu l-miri ambizzjużi li nerġgħu nkunu fost l-aħjar.