Lokali Qorti

Il-Qorti tordna biex stqarrija ta’ żagħżugħ b’rabta ma’ tliet kilos raża tal-cannabis titneħħa mill-provi

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha bħala Qorti Kostituzzjonali laqgħet talba ta’ żagħżugħ mir-Rabat li jinsab mixli b’rabta ma’ sejba ta’ tliet kilos raża tal-cannabis f’Settembru tal-2016 li ġew miksura d-drittijiet fundamentali tiegħu u ordnat li l-istqarrija li huwa kien ta lill-Pulizija titneħħa mill-proċess. Dan minħabba li ma kellux assistenza legali.

Romario Barbara li llum għandu 24 sena qed jiġi ġie mixli li kien fil-pusses ta’ raża meħuda mill-pjanta kannabis li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. L-Ispettur Kevin Pulis kien ressqu f’Settembru tal-2016 wara li l-Pulizija kienu ntalbu jintervjenu waqt argument li nqala’ f’residenza fir-Rabat. Pulis kien qal li fi tfittxija fid-dar instabu żewġ joints, iżda f’basket tli nstab barra r-residenza kien hemm tliet sapuniet kbar li allegatament huma raża mill-pjanta tal-kannabis.

L-Ispettur Pulis kien tenna li waqt li kienu qed jinterrogawh, Romario Barbara qal li d-droga kienet tiegħu. Id-droga kienet tammonta għal tliet kilogrammi. Dak li wassal għall-arrest tiegħu, kienet tilwima familjari. Wieħed mill-familjari tiegħu kixfu mal-pulizija dwar is-sustanza li kellu. Qalilhom li kien rama’ basket abjad fi skip fit-Triq Labini Rabat. Il-Pulizija, fil-presenza ta’ Barbara, elevaw dan il-baskett minn ġo skip.

L-ewwel rejazzjoni tal-akkużat kienet li ċaħad li dak kien tiegħu. Pero’, fit-23 ta’ Settembru 2016 irrillaxja stqarrija li permezz tagħha ammetta li dik is-sustanza kienet tiegħu u saħansitra ta ħjiel mingħand min kien akkwistha. Stqarr li kien ħallas €2,500 bil-ħsieb li jbiegħha €3,500.

Din l-istqarrija ġiet rilaxxjata meta ma kellux l-avukat tal-għażla tiegħu preżenti. B’dana kollu irid jingħad, li huwa iffirma dikjarazzjoni fl-istess jum meta kien interrogat, li biha iddikjara li kien qiegħed jirrinunzja li jikkonsulta jew ikellem wiċċ ‘imb wiċċ avukat qabel l-interrogatorju.

Wara li nħareġ l-Att ta’ akkuża, anke wara li għalaq iż-żmien għall-presentata tal-eċċezzjonijiet mill-akkużat għall-Kap ta’ Akkuża, permezz ta’ rikors preżentat quddiem il-Qorti Kriminali, l-akkużat ilmenta, li meta rrilaxxja dik l-istqarrija huwa ma kellux l-assistenza ta’ avukat u talab li titneħħa bħala parti mill-provi.

B’Digriet tal-Qorti Kriminali tas-27 ta’ Ottubru 2020, dik l-istqarrija ġiet meqjusa bħala inammissibbli. L-Avukat Ġenerali appella minn dak id-digriet. Ir-revoka ma kienitx fuq punt ta’ sustanza, imma fuq proċedura, peress li Barbara ma setax iqanqal l-ilment tiegħu bil-mod kif għamel peress li ż-żmien għall-eċċezzjonijiet kien għalaq. Għalhekk l-Avukat Ġenerali qal li t-talba tiegħu ġiet meqjusa bħala nulla.

Fis-seduta tal-1 ta’ Lulju 2021, Barbara  informa lill-Qorti Kriminali li kien se jagħmel proċeduri biex jattakka l-istqarrija minnu rilaxxjata. Għalhekk saru dawn il-proċeduri. Dak li talab b’dawn il-proċeduri huwa li ġew miksura id-drittijiet fundamentali tiegħu kif imħarsa mill-artikolu 39 u 6 tal-Kostituzzjoni u Konvenzjoni rispettivament, minħabba l-fatt, li ma kellu ebda assitenza legali waqt l-arrest u l-interrogazzjoni.

Il-Qorti Kostituzzjonali qieset iċ-ċirkostanzi tal-każ, partikolarment li qabel l-interrogazzjoni ma ġiex spjegat lil Barbara li seta’ jkollu avukat waqt u mhux biss qabel l-interrogatorju abbinat ma’ din, l-anqas ma ġie infurmat li seta’ x’ħin irid jirtira r-rinunzja.

Dan qiegħed jingħad anke fid-dawl li l-istqarrija hija l-uniku prova rejali u tanġibbli li għandha l-prosekuzzjoni kontra l-akkużat. Ma tarax kif, jekk titħalla l-istqarrija inkwistjoni intatta u fl-atti, Barbara qattx  jista’ jkollu smiegħ xieraq kif iridu l-artikoli 39 u 6 tal-Kostituzzjoni u tal-konvenzjoni rispettivament. Il-Qorti għalhekk laqgħet it-talbiet tiegħu.

Għaldaqstant għal dawn ir-raġunijiet il-Qorti laqgħet iż-żewġ talbiet ta’ Barbara u ddikjarat li minħabba l-fatt li ma kellux assistenza legali waqt l-arrest u l-interrogazzjoni tiegħu, ġew leżi d-drittijiet fundamentali tiegħu għal smiegħ xieraq kif sanċiti fl-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem.

Ġiet milqugħa wkoll it-talba biex l-istqarrija tiġi mneħħija mill-proċeduri ta’ l-Att ta’ akkuża quddiem il-Qorti kriminali u tidderiġi lill-istess Qorti sabiex ma tħalli li jsir ebda referenza għaliha fix-xhieda li ser titressaq u filwaqt li referenza għaliha f’xhieda li diġa’ ittieħdet tiġi injorata u skartata.