Futbol Sport

Imħabbra n-nomini tal-20 edizzjoni tal-Golden Boy Awards

Il-ġurnal Taljan Tuttosport ħabbar il-lista ta’ 100 plejer innominati għall-20 edizzjoni tal-Golden Boy Award. Is-sena li għaddiet, l-unur tal-aqwa plejer ta’ taħt il-21 sena intrebaħ mill-midfielder ta’ Barcelona u tat-tim Nazzjonali Spanjol Pedri, bl-istess plejer reġa qiegħed fil-lista ta’ din is-sena.

Mill-Premier League Ingliż, fost in-nominati nsibu lil Harvey Elliott ta’ Liverpool, Adam Diallo ta’ Manchester United, Fabio Silva u Ki-Jana Hoever ta’ Wolves u Pape Matar Sarr ta’ Tottenham.

Minbarra Pedri, Barcelona għandhom żewġ plejers oħra nominati għal dan il-premju li huma Gavi u Nico filwaqt li Eduardo Camavinga ta’ Real Madrid ukoll għamilha għall-lista finali. Mill-Bundesliga hemm innominati Jamal Musiala ta’ Bayern Munich u Jude Bellingham ta’ Borussia Dortmund.

Mis-Serie A fost l-ismijiet insibu lil Fabio Miretti u Radu Dragusin ta’ Juventus, Lucien Agoume u Sebastian Esposito ta’ Inter, Felix Afena-Gyan u Nicola Zalewski ta’ Roma filwaqt li Udinese huma l-aktar tim Taljan rappreżentant bi tliet plejers, Brandon Soppy, Lazar Samardzic u Simone Pafundi.

Fil-passat dan l-unur intrebaħ minn bosta plejers ta’ fama mondjali fosthom Paul Pogba, Wayne Rooney, u Kylian Mbappe.