Lokali Qorti

Direttur ta’ kumpanija mixli li qabbad żewġ Albaniżi jagredixxu lill-eks kunjatu tiegħu fi Qui-si-Sana

Raġel ġie akkużat fil-Qorti li qabbad żewġt irġiel biex jattakkaw lill-missier l-eks mara tiegħu ta’ 62 sena hekk kif kien sejjer jiġoggja max-xatt ta’ Tas-Sliema. Il-Pulizija ddeskriviet lil Matthew Joseph Schembri ta’ 37 sena minn Tas-Sliema, direttur ta’ kumpanija, bħala “l-moħħ wara l-attakk mhux ipprovokat” ta’ Louis Spiteri l-Ħamis filgħodu.

Hu u ż-żewġ attakkanti li allegatament qabbad huma ċittadini Albaniżi ta’ 23 sena, Xhovano Ndoci, Agostin Marku, li jgħixu flimkien f’appartament f’Tas-Sliema proprjetà ta’ Schembri, ġew mixlija b’rabta mal-aggressjoni. Huma ċaħdu l-akkużi fil-qorti l-Ġimgħa wara nofsinhar u nżammu arrestati. Ir-reat seħħ fix-xatt ta’ Qui Si Sana għall-ħabta tas-7.15am.

Spiteri ddeskriva kif iż-żewġ irġiel Albaniżi kienu bilqiegħda fuq bank meta qamu u tawh daqqa ta’ ponn f’wiċċu hekk kif kien qed jiġri ħdejn Ġnien George Bonello Dupuis. Huwa kellu jiġi kkurat l-isptar għall-ġrieħi li ġarrab. Il-Pulizija qalu li meta ġew arrestati, wieħed minnhom inqabad minn sieħeb il-vittma li kien ukoll qed jiġri fejn l-allegat agressur u hekk kif qabdu żammu ma’ l-art.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-Albaniżi kienu kkummissjonati biex iwettqu l-attakk. Il-Qorti semgħet li ż-żewġt irġiel kienu jgħixu fi proprjetà pprovduta lilhom minn Schembri u kienu Malta fuq fondi limitati. L-avukat tagħhom, Dean Hili, qal lill-Qorti li l-investigazzjonijiet tal-pulizija kkorroboraw elementi ta’ dak li qalu, li huma “essenzjalment aġixxew bħala irġiel mqabbda biex iwettqu reat”.

Sostna li l-irġiel ġew Malta biex jaħdmu u sabu lil xi ħadd li jimpjegahom illegalment, bil-Malti jżomm il-ħlas tagħhom. “Spiċċaw essenzjalment bħala l-iskjavi ta’ Schembri u dejjem bit-tama li jsibu x’imkien fejn jieklu. Irridu naraw min verament kellu jakkwista minn din is-sitwazzjoni, jekk kinux dawn iż-żewġt irġiel li attakkaw lil xi ħadd li lanqas biss kienu jafu. kull ma kellhom kien ritratt tiegħu.”.

Madankollu l-avukat David Gatt, li deher għal Schembri, sostna li l-Albaniżi qatt ma ħallsu “ċenteżmu ta’ kera” għall-post u għalhekk iddeċiedew, minn jeddhom, li jattakkaw lill-kunjatu bħala mezz ta’ ħlas. “Kienu persuni li ma jħallsux kera u ddeċiedew li minflok jattakkaw lil missier l-eks mara tiegħu. Ma naħsibx li għandna neqirdu l-ħajja ta’ dan ir-raġel minħabba ċ-ċirkostanzi,” qal l-Avukat Gatt.

L-Ispettur Lydon Zammit iddeskriva l-każ bħala “serju ħafna” u li l-aħbar tal-attakk qajmet paniku madwar il-pajjiż, u qanqlet biża’ li kull min ikun miexi f’Tas-Sliema jista’ jiġi attakkat. “It-tieni punt huwa li raġel anzjan ġie attakkat waqt li kien qed jagħmel eżerċizzju, u kien qiegħed għall-affari tiegħu,” huwa qal. “Mill-investigazzjoni tagħna jidher ċar li Matthew Schembri kien il-moħħ wara dan l-attakk minn dawn iż-żewġ Albaniżi fuq Louis Spiteri. Se nuru l-ħsieb malizzjuż tiegħu waqt il-proċediment tail-każ.”

Il-Qorti kienet ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea li ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest għat-tlett akkużati u għaldaqstant intbagħtu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Issa l-każ għandu jiġi assenjat għal ġimgħa d-dieħla jew ta’ wara quddiem il-Qorti tal-Maġistrat meta titella’ polza sabiex jibdew jinstemgħu l-provi relatati mal-każ.