Il-lejl li għadda, għall-ħabta tas-siegħa u nofs, raġel ta’ 60 sena minn San Pawl il-Baħar, tilef ħajtu wara li kien involut f’argument li seħħ fi stabiliment fi Triq it-Turisti f’San Pawl il-Baħar stess.
Wara rapport li sar lill-Pulizija dwar il-ġlieda li kienet qed isseħħ, ġew infurmati mill-Isptar Mater Dei li kien iddaħħal raġel b’ambulanza mill-istess post, li ġie ċċertifikat mill-ewwel li l-kundizzjoni tiegħu hija waħda serja u li kien jinsab fil-periklu tal-mewt. Sfortunatament, ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Mill-investigazzjonijiet li saru jidher li l-vittma kien involut f’argument waqt li kien fi stabbilemnt fl-istess triq u b’konsegwenza t’hekk huwa waqa’ t-taraġ.

Dwar dan il-każ, il-Pulizija qed tkellem persuna sabiex jgħinha fl-istħarriġ li bħallissa qed jiġi trattat bħala omiċidiju.
Il-Magistrat tal-Għassa Astrid May Grima qiegħda tmexxi inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett tal-Qawra għadhom għaddejjin.


Il-Ġimgħa filgħodu fuq il-post deher sid il-Munchies Bar jitkellem mal-Pulizija sabiex jgħin fl-investigazzjoni.
