Lokali Qorti

Raġel ta’ dixxendenza Maltija kkundannat 40 xahar ħabs fuq droga fl-Iskozja jingħata sentenza oħra fl-Ingilterra

Raġel ta’ dixxendenza Maltija, li huwa Inġinier u li qed jiskonta sentenza ta’ ħabs għal involviment tiegħu fit-traffikar tad-droga fl-Iskozja, issa rċieva sentenza oħra ta’ ħabs għal reati mwettqa fl-Ingilterra. Jake Galea-Hughes ta’ 27 sena, minn Penshaw, qrib Sunderland, ġie kundannat sentenza ta’ 40 xahar fil-High Court ta’ Edinburgh f’Jannar li għadda, wara li ammetta li kien involut fil-provvista tal-etizolam, droga li tintuża għall-persuni li jbatu mill-ansjetà.

L-Imħallef fl-Iskozja kien qal li “dawk responsabbli mit-traffikar tad-droga ma jimpurtahom xejn mit-tbatija li din tikkawża”. Il-valur potenzjali fit-triq tal-qabda fl-Iskozja kienet ta’ kważi £170,000. Nhar il-Ġimgħa, 10 ta’ Ġunju huwa ġie kkundannat 26 xahar ħabs oħra mill-Qorti Ngliża għal reati li wettaq fin-naħa ta’ Fuq tal-Ingilterra fl-2019 u 2020. Operazzjoni mill-Pulizija ta’ Durham sabet li huwa kien qed imexxi d-droga qabel ma kien qed iwettaq operazzjoni simili fl-Iskozja.

Hemmhekk uwa kien wieħed minn żewġt irġiel arrestati fi triq fejn kien hemm ‘fabbrika’ tal-Valium li kienet qed topera f’razzett remot f’Ayrshire, minn fejn il-pulizija rkuprat 229,000 pillola blu, kwantità ta’ trab ta’ etizolam u diversi pilloli, li kapaċi jipproduċu aktar minn 14,000 pillola.

Ir-rejd tal-pulizija segwa ħabta li involviet courrier tad-droga mara li kienet fl-operazzjoni fi triq fil-qrib, u wara nstabu eluf ta’ pilloli fil-karozza tagħha, f’Diċembru tal-2020. Ingħad li Galea-Hughes ġie “reklutat” biex jassisti l-operazzjoni, billi uża l-ħiliet ta’ inġinerija tiegħu biex iżomm il-makkinarju tal-produzzjoni, bħala mezz biex isolvi d-djun kbar tiegħu fuq id-droga.

Wara l-każ fl-Iskozja, l-akkużat minn Whitefield Cottages, iffaċċja sentenza f’Durham Crown Court għal diversi reati pendenti ta’ drogi u sewqan bla kont imwettqa fil-Grigal tal-Ingilterra fl-2019 u l-2020, qabel l-arrest tiegħu. f’Ayrshire, l-Iskozja.

Il-Qorti semgħet li huwa kien involut f’insegwiment tal-pulizija waqt li kien qed isuq pick-up Mitsubishi fl-inħawi ta’ Penshaw fil-31 ta’ Lulju 2019, u wara ġew irkuprati kwantitajiet ta’ ecstasy u pilloli diazepam mid-dar tiegħu. Robin Patton, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, qal li wara li nħeles “taħt investigazzjoni”  għal dawk ir-reati, Galea-Hughes twaqqaf waqt li kien qed isuq Range Rover, ftit wara nofsillejl tal-25 ta’ Jannar 2020.

Huwa nstab fil-pussess ta’ żewġ karti ta’ £50 foloz flimkien ma’ droga tal-klassi B u Ċ. Aktar karti foloz, li jammontaw għal £570, u kważi £9,000 ta’ droga ġew irkuprati mid-dar tiegħu. Waqt li kien fuq pleġġ kien involut f’insegwiment ieħor tal-pulizija, meta kien qed isuq Volkswagen Caddy, minn Seaton Burn, fit-tramuntana ta’ Newcastle, fuq il-motorway  A1, f’żoni residenzjali ta’ Shiney Row u mbagħad fuq l-A19, l-A1231 u l-A195, fit-13 ta’ Lulju. 2020.

Il-prosekutur Patton qal li l-pulizija temmew l-insegwiment tiegħu b’manuvra ikkontrollata, hekk kif l-akkużat telaq mill-vettura tiegħu, l-uffiċjali resqu lejh bil-mixi fejn qabel l-arrest tiegħu rawh jibla’ xi trab abjad. Huwa kellu wkoll fil-pussess tiegħu 49 pillola diazepam u nstab li kellu eċċess tad-droga tal-klassi Ċ u ta’ kokaina fis-sistema tiegħu għas-sewqan.

Galea-Hughes ma għamel l-ebda kumment fl-interogazzjoni, iżda wara ammetta sewqan perikoluż, sewqan bi traskuraġni, u sewqan meta kien fil-pusses tad-droga. Huwa ammetta wkoll sensiela ta’ reati ta’ droga, inkluż pussess bl-intenzjoni li jforni sustanzi tal-klassi B, flimkien ma’ pussess ta’ muniti foloz. Waqt is-sottomissjonijiet ħareġ li r-reati jmorru lura bejn sentejn u tliet snin u kollha tpoġġew sospiżi minħabba l- proċeduri li kienu għadhom għaddejjin fl-Iskozja.

Bid-difiża tgħid li Galea-Hughes kien iddisprat li ma jieqafx meta segwit mill-Pulizija peress li ried jattendi funeral tal-familja aktar tard dakinhar. Ingħad li l-imputat ilu l-ħabs minn mindu kien fuq arrest preventiv għar-reati Skoċċiżi mid-9 ta’ Diċembru 2020, li jfisser li l-ewwel data tal-ħelsien tiegħu fuq dik is-sentenza hija Awwissu li ġej.

Minn dak iż-żmien huwa qatta’ ż-żmien tiegħu f’wieħed mill-ħabsijiet “l-aktar notorji” tal-pajjiż, HMP Barlinnie, fi Glasgow. Huwa ġie kundannat 26 xahar ħabs għar-reati fl-Ingilterra, iżda l-Imħallef Ray Singh qal li peress li hija ġurisdizzjoni separata għall-Iskozja ma setax jagħmel is-sentenzi konsekuttivi, ta’ l-anqas qabel ma tiġi skontata s-sentenza tiegħu fil-kapitali Skoċċiża.

Galea-Hughes kien ipprojbit milli jsuq għal erba’ snin u xahar. L-Imħallef ordna wkoll il-konfiska ta’ £1,200 ta’ munita legali maqbuda mingħand l-imputat mal-arrest tiegħu.