Ir-Renju Unit, wara ħafna xhur, approva l-estradizzjoni ta’ Julian Assange, l-attivista Awstraljan li waqqaf l-organizzazzjoni Wikileaks, lejn l-Istati Uniti.
Il-konferma ngħatat mill-Home Secretary, Priti Patel u dan ifisser li Assange – li hu mfittex mill-Istati Uniti talli kien żvela informazzjoni klassifikata u sensittiva għall-Amerikani – għandu sa 14-il jum biex jappella mid-deċiżjoni.
Il-Home Office f’Londra sostna li l-qrati fir-Renju Unit iddeċidew li l-estradizzjoni ta’ Assange lejn l-Istati Uniti mgħandhiex tkun inkompatibbli mad-drittijiet umani tiegħu. Il-qrati kienu sodisfatti li Assange, ladarba jittieħed lejn l-Istati Uniti, għandu jkun trattat b’mod xieraq u dinjutuż.
L-Istati Uniti ilha s-snin tinsisti għall-estradizzjoni ta’ Assange wara li l-attivista kien responsabbli mill-famuż leak ta’ dokumenti importanti fl-2010 u l-2011…Dokumenti li skont l-Istati Uniti spiċċaw żvelati bi ksur tal-liġi u b’mod li perikola l-ħajja tan-nies.
Il-Wikileaks ta’ Assange hi organizzazzjoni internazzjonali li tippubblika leaks tal-aħbarijiet flimkien ma’ data li suppost li tinżamm klassifikata.
Intant, il-leak tad-dokumenti li qanqal reazzjoni daqstant rabbjuża mill-Istati Uniti kien jinvolvi dokumenti relatati għall-gwerer fl-Iraq u l-Afganistan.
Julian Assange, bħalissa, qed jinżamm fil-ħabs ta’ Belmarsh f’Londra u ilu s-snin jiġġieled battalja legali biex ma jispiċċax estradit lejn l-Istati Uniti. Intant, l-organizzazzjoni Wikileaks, li tibbaża fuq is-sorsi anonimi għall-informazzjoni tagħha, issa kkonfermat li għandha tappella kontra d-deċiżjoni ta’ Priti Patel.
//= $special ?>