Internazzjonali

Ukrajna: Rakkomandazzjoni storika li mistennija twassal lejn sħubija fl-UE

It-tentattivi tal-Ukrajna biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea ħadu stimolu enormi bir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex dan il-pajjiż jingħata l-istatus ta’ kandidat għal sħubija.

Intant, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, esprima l-ferħ tiegħu għan-nom tal-Gvern fi Kiev u sostna li ‘dan il-pass lejn sħubija fl-UE għandu jqarreb l-Ukrajna lejn rebħa fuq ir-Russja’ wara kważi erba’ xhur ta’ gwerra fl-artijiet Ukreni.

Zelensky esprima anki gratitudni lejn il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u l-membri l-oħra tal-Kummissjoni għal din id-deċiżjoni storika. Fl-istess ħin, il-President Ukren qal li qed jistenna r-riżultati pożittivi ladarba l-Mexxejja tal-UE, il-ġimgħa d-dieħla, jiltaqgħu ħalli jiddeċiedu jekk jagħtux formalment dan il-‘candidate status’ lill-Ukrajna.

Madankollu, l-Ukrajna, minn issa, trid timpenja ruħha għal numru ta’ riformi li jgħinu għal sħubija ‘ta’ malajr’ fl-Unjoni – bil-Kummissjoni Ewropea tisħaq li l-Ukreni stess iridu jiddeċiedu l-futur tagħhom.

Ir-riformi li teħtieġ tagħmel l-Ukrajna huma relatati għall-amministrazzjoni tal-liġi; l-aġir tal-oligarki (sinjuruni ta’ influwenza kbira) fi ħdanha; id-drittijiet umani u l-ħidma għat-trażżin tal-korruzzjoni flimkien mal-implimentazzjoni ta’ riformi ġudizzjarji.

Min-naħa tagħha, Ursula von der Leyen – waqt li, ilbieraħ, għamlet diskors bl-ilbies li kien jissimbolizza l-blu u isfar (il-kuluri nazzjonali) tal-Ukrajna —  enfasizzat li ‘l-Ukreni wrew li lesti biex imutu’ għall-aspirazzjonijiet ta’ pajjiżhom biex jissoda l-kredenzjali Ewropej tiegħu. Hi mill-ġdid sostniet li l-Ukrajna biss għandha d-dritt li tiddetermina l-futur tagħha bħala Stat.

Intant, l-osservaturi qablu li l-Kummissjoni Ewropea qed turi ‘mija-fil-mija’ li trid tagħti appoġġ ‘f’waqtu u prattiku’ lill-Ukrajna f’dan iż-żmien diffiċli għall-poplu Ukren.

U waqt li r-rakkomandazzjoni għall-istatus ta’ Stat kandidat ( għall-Ukrajna) għad trid tkun iffirmata mill-pajjiżi-membri tal-UE, din qed tidher bħala formalità wara li Franza, il-Ġermanja u l-Italja – fost l-aktar Stati influwenti tal-Unjoni – diġà esprimew ruħhom favur dan il-pass.

Fil-fatt, is-27 Stati-membri tal-Unjoni kollha qegħdin jidhru favur il-‘candidate status’ għall-Ukrajna, bil-Mexxejja Ewropej għandhom jiddiskutu dan il-pass fit-tul matul is-summit li jmiss tal-UE li se jsir fi Brussell bejn it-23 u l-24 ta’ Ġunju.