Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, qed jagħmel żjara sorpriża oħra fl-Ukrajna fejn, fost oħrajn, wiegħed kampanja għat-taħriġ intensiv tal-qawwiet Ukreni fi żmien delikat ħafna tal-gwerra fl-artijiet Ukreni.
Johnson u l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, iltaqgħu ftit tal-ħin ilu fejn iddiskutew it-trasport ta’ armamenti biex l-Ukrajna tirreżisti aħjar l-invażjoni tal-Armata Russa. Kienu diskussi wkoll il-mezzi biex ir-Renju Unit jgħin aktar lill-Ukrajna f’aspetti relatati mal-ekonomija.
Il-Prim Ministru Johnson kien fost l-ewwel mexxejja tal-Ewropa li żaru l-Ukrajna fil-jiem wara l-invażjoni u meta, f’April, kellu wkoll laqgħat ma’ Zelensky fi Kiev. Min-naħa tiegħu, il-President Zelensky qed jesprimi mill-ġdid ir-ringrazzjament tiegħu lill-Britanniċi talli wrew kemm-il darba li huma ‘alleat li l-Ukreni jistgħu jiddependu fuqu’.
Zelensky anki rrikonoxxa ‘l-appoġġ sod u determinat tal-Britanniċi għall-Ukrajna’ waqt li tenna li pajjiżu u r-Renju Unit ‘għandhom għanijiet komuni minbarra sens dwar kif huma jistgħu jirrealizzaw it-tragwardi involuti’.
Sadanittant mifhum li l-kampanja li qed joffri r-Renju Unit għandu l-potenzjal biex – f’kull erba’ xhur — sa 10,000 suldati Ukreni jitħarrġu fl-aħħar tattiċi u strateġiji tal-gwerra. L-inizjattiva, fl-istess ħin, kapaċi tibdel b’mod fundamentali l-bilanċ tal-konflitt fl-Ukrajna.
//= $special ?>