Bormliż kien ikkundannat 15-il sena ħabs wara li nstab ħati unanimament li stupra darbtejn lil bintu meta din kellha biss disa’ snin. Kien il-Ġimgħa filgħaxija meta d-dida’ ġurati komposti minn nisa u rġiel sabuh ħati ta’ dan ir-reat li seħħ 18-il sena ilu.
Il-ġurati wara li semgħu diversi xhieda l-ġurati sabu lir-raġel ħati tal-akkużi b’disa’ voti favur u xejn kontra. L-Imħallef Aaron Bugeja kkundannah l-ogħla piena fid-dawl tal-verdett tal-ġurija. Il-missier instab ħati li għal darba darbtejn stupra lil bintu f’ġuri li nstema bil-magħluq. Il-missier li llum għandu 47 sena kkontesta l-akkużi miġjubin kontrih u ismu mhux qed jixxandar biex tkun protetta l-identità tal-allegata vittma, u dan fuq ordni tal-Qorti.
Ir-raġel instab ħati li stupra bintu fir-residenza tal-familja f’Bormla. Il-missier kien jidħol fil-kamra fejn tkun it-tifla u jsakkar il-bieb. L-ewwel darba li seħħ l-istupru t-tifla kienet qegħda fil-kamra ta’ ħuha, filwaqt li t-tieni darba kienet fil-kamra tas-sodda tagħha stess. It-tieni darba saritilha marka fuq għonqha li ratha ommha wkoll, iżda meta staqsiet dwarha, ir-raġel allegatament bidel id-diskors.
Ġimgħat qabel l-ewwel stupru r-raġel kien allegatament diġà mess lil bintu minn fuq il-ħwejjeġ, iżda kien waqaf ħesrem għax kienet se taqbad tgħajjat. Il-prosekuzzjoni qalet fil-provi li ressqet li l-missier kien iwissi lit-tifla biex ma tgħid xejn b’dak li kien qed jagħmlilha, u kien biss ħafna żmien wara li hija fetħet qalbha ma’ tal-Mużew u rrakkontat dak li kienet għaddiet minnu.
Ir-raġel kien għamel talba biex il-ġuri ma jsirx minħabba li kien difiż minn avukat waqt it-teħid tal-istqarrija u li l-Ispettur li mexxiet il-każ kienet bdiet theddu. Il-Qorti Kriminali ma kinitx laqgħet it-talba tar-raġel li wara ppreżenta l-każ tiegħu quddiem l-Qorti Kostituzzjonali biex tissospendi l-ġuri tal-Qorti Kriminali peress li se jkun hemm preġudizzju kontrih u għalhekk mhuwiex se jingħata smigħ xieraq.
Huwa kien sostna li kienu nkisrulu d-drittijiet tiegħu meta nżamm taħt arrest preventiv għal żmien itwal milli tippermetti l-liġi. Reġa’ lmenta wkoll li ma ngħatax aċċess għal avukat qabel u waqt l-interrogatorju. Il-Qorti Kostituzzjonali wkoll ma laqgħetx it-talba. Il-fatt li t-tifla kienet taħt it-12-il sena meta seħħ ir-reat għamel il-każ aktar serju skont il-liġi. Il-ħati u l-Avukat Tonio Azzopardi qegħdin jikkunsidraw jekk jappellawx mis-sentenza. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Anthony Vella u Kaylie Bonnet mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
.
//= $special ?>