Lokali Qorti

David Busuttil iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih… ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest

Għall-ħabta tas-sitta u nofs, David Busuttil ta’ 59 sena tressaq il-Qorti mixli bil-qtil ta’ raġel ta’ 60 sena, Roger William Donald Dudley-Ward li joqgħod San Pawl il-Baħar. Busuttul wieġeb mhux ħati tal-akkużi migjuba kontrih filwaqt li ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.

L-akkużat deher dieħel il-Qorti jibki u saħansitra ħassu ma jiflaħx fl-Awla.

Quddiem il-Maġistrat Victor George Axiak, David Busuttil kien mixli li kkaġuna l-mewt ta’ Roger William Donald li tilef ħajtu kmieni l-Ġimgħa filgħodu wara argument fi stabbiliment fi Triq it-Turisti f’San Pawl il-Baħar stess.

L-Ispettur Ryan Vella ġie nfurmat li fis-1.30am kien hemm persuna f’qagħda kritika li ttieħdet l-Isptar Mater Dei fejn nurse spjegat lill-Pulizija li kienu ġabru lill-vittma barra Munchies Bar minn fuq il bankina.

Busuttil, li huwa eks player ta’ Rabat Ajax, huwa wkoll sid l-istabbiliment Munchies Bar.  

L-akkużat ammetta li kellu argument mal-vittma… liema argument wassal biex Roger WIlliam kien imbuttat mill-agressur fil-paraparett tal-istabiliment Munchies Bar… liema imbuttatura waslet biex il-vittma jaqa’ bil-kawża tal-mewt tkun emoraġija fir-ras.

Il-prosekuzzjoni kkonfermat li l-argument nqabad fuq is-CCTV cameras, bl-agressur jispjega li huwa safa agredit u provokat mill-vittma u għalhekk aġixxa biex iddefendi lilu nnifsu.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni toġġezzjona.

Busuttil qed ikun akkużat ukoll li prova jeqred l-evidenza billi jeħles mill-filmati li nqabdu fuq il-kameras tas-sigurtà. Dan hekk kif għamel kuntatt ma’ persuna li jieħu ħsieb dawn il-filmati. Bid-difiża twieġeb li t-telefonata ma jfissirx li l-intenzjoni tagħha kienet li jħassar l-evidenza.

Id-difiża kompliet tgħid li dan kien każ fejn l-aggressur iddefenda ruħu. B’dan kollu jista’ jkun konfermat mill-filmati tal-kameras tas-sigurta. Saħqet li Busuttil għandu dritt li jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti ċaħdet it-talba għal ħelsien mill-arrest.

Abigail Caruana Vella, Nathaniel Falzon u l-Ispetturi Shaun Pawney u Ryan Vella mexxew il-prosekuzzjoni filwaqt li għal David Busuttil dehru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.

Iktar kmieni

Minn informazzjoni li għandu NET News se jkun ċertu David Busuttil mill-Qawra se jkun mixli bl-omiċidju quddiem il-Maġistrat Victor George Axiak. L-argument li wassal biex raġel jitlef ħajtu li seħħ fi Triq it-Turisti fis-1.30am u l-vittma miet ftit wara fl-Isptar Mater Dei.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija stabbilixxew li l-vittma waqa’ t-taraġ waqt l-argument u minn dak li qed tgħid il-Pulizija huwa allegat li kien imbuttat għall-mewt tiegħu. Sorsi minn naħa tal-Pulizija qalu li Busuttil allegatament kien ilu jargumenta mal-mejjet ġewwa l-Munchies bar. Il-vittma wara intalab biex jitlaq mill-post. Il-Pulizija tkellmet ma’ sid il-bar u fl-investigazzjoni tagħha fliet bir-reqqa filmati mis-CCTV cameras li setgħu qabdu l-inċident. Saret ukoll inkjesta b’rabta ma’ dan l-inċident,

L-Ispetturi Shawn Pawney u Ryan Vella mistennija jressqu lill-akkużat filwaqt li għal Busuttil se jidhru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri. Il-Munchies Bar,, li mill-inċident ‘l hawn kellu jagħlaq minħabba l-investigazzjonijiet bir-reqqa minn naħa tal-Pulizija, fil-passat kien seħħ inċident vjolenti ieħor.

Fl-2018 żagħżugħ Serb ta’ 24 sena, kien mar ħames snin ħabs wara li nstab ħati li faqa’ tazza tal-birra f’wiċċ il-barman. Barman, Ryan Magro, missier ta’ 29 sena mill-Mellieħa, li kien spiċċa fil-periklu li jitlef biex għajnejh u jgħama minn għajn waħda. Fil-ħin tal-inċident kien qed jipprova jeskorta lill-aggressur allegatament fis-sakra barra mill-bar.