Fl-aħħar sigħat pajjiżna rreġista żewġ imwiet oħra ta’ persuni li kienu pożittivi għall-Covid. Dan iwasal biex l-ammont ta’ vittmi issa tela’ għal 730.
Intant fl-aħħar 24 siegħa, ġew irreġistrati 279 każi ġodda ta’ Covid-19 filwaqt li fiequ 128 persuna. Dan iwassal biex il-każi attivi jkomplu jiżdiedu hekk kif issa dawn ilaħħqu l-2,467.
Intant in-numru ta’ pazjenti rikoverti l-Isptar Mater Dei li huma pożittivi għall-Covid trippla f’dawn l-aħħar jiem.
Data li ġiet ippubblikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard turi li fl-aħħar ġimgħa r-rata ta’ dħul fl-isptarijiet żdiedet minn 2.3 għal kull 100,000 pazjent għal 6.9 għal kull 100,000.
Jidher li bħalissa fl-Isptar hemm 50 pazjent pożittiv għal dan il-virus, b’nofshom m’għandhom ebda sintomi. Dan filwaqt li tliet persuni jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva …bl-età medja taghhom hija ta’ 66 sena.
Fl-aħħar jiem pajjiżna ra żieda fl-ammont ta’ każijiet pożittivi ġodda li qed ikunu reġistrati kuljum hekk kif is-Sibt kellna total ta’ 279 każ ġdid f’ġurnata waħda biss. Pajjizna kien ilu min-nofs April ma jkollu daqshekk każi pożittivi ġodda f’ġurnata. Filfatt, fil-119-il ġimgħa mill-bidu ta’ din il-pandemija, kienu reġistrati total ta’ kważi 1,500 każ.
Din l-istatistika turi wkoll kif wieħed minn kull ħames persuni qed jittestjaw pożittiv għall-Covid. Dan l-ammont ma jinkludix in-numru ta’ persuni li joħorġu pożittivi wara li jużaw il-home kits.
Ftit tal-jiem ilu l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li f’pajjiżna nstab varjant ġdid tal-Omicron li qed jikkawża żieda fil-każi ġodda pożittivi. Iżda jidher li dan il-varjant mhux qed jikkawża żieda f’sintomi severi u kumplikazzjonijiet.
//= $special ?>