Sport Sport Ieħor

Envic Galea elett teżorier ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-Judo

Minħabba l-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, il-President Russu tal-Unjoni Ewropea tal-Judo (EJU), Sergey Soloveychik, irriżenja. Hekk għamel is-Segretarju Ġenerali Ezio Gamba, direttur tekniku tal-Federazzjoni Russa tal-Judo. Ir-riżenja ta’ dawn l-ogħla żewġ uffiċjali wasslet lill-kumitat Eżekuttiv biex isejjaħ laqgħa ġenerali straordinarja biex jeleġġi uffiċjali għal dawn il-karigi vakanti. L-Ungeriż Laszlo Toth, Teżorier Ġenerali tal-EJU, iddeċieda li jikkontesta għal President, għalhekk irriżenja mis-siġġu tiegħu, u ħoloq it-tielet pożizzjoni vakanti.

Laszlo Toth ried persuna ta’ esperjenza li taf sew lill-EJU biex tieħu l-kariga tiegħu bħala Teżorier Ġenerali. Għalhekk, għamel kuntatt ma’ Envic Galea, li kien serva fl-eżekuttiv għal 26 sena, 12 minnhom bħala Segretarju Ġenerali, biex jara jekk kienx interessat.

Fl-2016, Envic Galea kien iddeċieda li ma jerġax jikkontesta għal Segretarju Ġenerali peress li ried jikkonċentra fuq l-Akkademja tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Judo (IJF), il-fergħa tat-tagħlim tal-IJF. Huwa kien waqqaf l-Akkademja fuq l-istruzzjonijiet tal-President tal-IJF, is-Sur Marius Vizer, u serva bħala chairman tal-Akkademja. Mill-2016, Envic serva lill-EJU bħala Membru Onorarju. Illum l-Akkademja għandha ‘l fuq minn 4,000 student minn aktar minn 150 Federazzjoni mill-ħames kontinenti u hija reġistrata bħala Istitut ta’ edukazzjoni ogħla mal-Malta Further and Higher Education Authority u hija responsabbli għal-liċenzji ta’ kowċ tal-IJF.

L-Akkademja issa tinsab f’pożizzjoni aktar stabbli, u għalhekk huwa jista’ jlaħħaq maż-żewġ impjiegi. Envic aċċetta l-istedina u ssottometta n-nomina tiegħu għal Teżorier Ġenerali tal-EJU. Huwa ġie elett unanimament waqt il-Kungress ġewwa Vienna fis-17 ta’ Ġunju.