Lokali

Ħames persuni jtemmu b’suċċess programm organizzat mill-Aġenzija Sedqa

Ħames persuni jinsabu ħielsa mill-vizzju tad-droga hekk kif gradwaw b’suċċess wara snin jattendu programm organizzat mill-Aġenzija Sedqa fil-Komunità Santa Marija.

Għal din il-gradwazzjoni attenda l-President ta’ Malta George Vella flimkien mas-Sinjura Vella. Fid-diskors tiegħu huwa sellem lil dawk li gradwaw u qalilhom li dan mhux l-għeluq imma l-bidu ta’ ħajja oħra filwaqt li iddeskriva din l-okkażjoni bħala ċelebrazzjoni ta’ kuraġġ.

Min-naħa tiegħu d-Direttur ta’ Sedqa Charles Scerri qal li din l-okkażjoni hija tassew ċelebrazzjoni minn żewġ aspetti fejn min-naħa hemm ħames persuni li qed jibdew bidu ġdid u min-naħa l-oħra hija ċelebrazzjoni ta’ xogħol kollettiv li jwassal għal għan komuni. Huwa sostna li Aġenzija Sedqa se tibqa’ kommessa li tkompli bil-ħidma tagħha biex ikollha aktar stejjer ta’ suċċess fil-futur.

Iċ-Chairperson Kliniku taċ-Ċentru Detox Anna Maria Vella ddeskriviet dan il-jum bħala wieħed ta’ ferħ mhux biss għar-residenti u l-familjari, iżda wkoll għall-professjonisti li jkunu qed jistennew jum bħal dan b’tant ħerqa.

Fl-istess attività, il-kantant Kurt Calleja interperata l-kanzunetta Bla Tarf li titratta l-istorja ta’ żewġ persuni li ltaqgħu waqt li kienu qed jagħmlu dan il-programm… bl-istorja ta’ suċċess tagħhom ispiratu biex jikteb din id-diska.

L-Aġenzija Sedqa, fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali,  tipprovdi assistenza u servizzi fil-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni, it-trattament u r-riabilitazzjoni lil persuni bi problemi ta’ dipendenzi. Dan jingħata kemm lilhom u lill-familji tagħhom, biex jgħinhom jgħixu ħajja stabbli u jintegraw aħjar fis-soċjetà.

Sedqa tappoġġja wkoll lil persuni li għaddejjin minn xi vizzju biex ibiddlu ħajjithom u jgħixu ħajja aktar f’saħħitha u aktar sodisfaċenti waqt li jsiru ċittadini produttivi fis-soċjetà.