Lokali

Imut il-kantant Godwin Lucas

Ftit tal-minuti ilu tħabbret il-mewt tal-kantant u mużiċist Godwin Lucas fl-età ta’ 63 sena. Huwa kien missier ta’ żewġ subien.

Godwin Lucas, li ġej minn familja ta’ mużiċisti, daħal fix-xena tal-mużika minn eta żgħiru hekk kif ta’ sittax-il sena beda jdoqq fin-nightclubs. Matul is-snin ħadem ma’ diversi mużiċisti u kompożituri Maltin , fosthom June May, Phylissienne Brincat, Paul Abela, Charles Flores u Paul Giordemaina.

Huwa jibqa’ magħruf għas-silta ‘Għanja lil Ibni’ li huwa wkoll l-isem tal-ewwel album li ħareġ. Fl-1984 Godwin Lucas ħa sehem għall-ewwel darba fil-Malta Song Festival u rebaħil-premju FIDOQ bil-kanzunetta ‘Ma Rridx Ninsa’.

Fl-1987 rebaħ bosta festivals biex fosthom il-Malta Song Festival bil-kanzunetta ‘Int’ filwaqt li klassifika fit-tieni post fil-festival L-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta ‘San Niklaw’. Fl-1995 reġa’ kiseb it-tieni post fil-Malta Song Festival bil-kanzunetta ‘Gżira ta’ Mħabba’ u ‘Jekk Tgħid Le’.

Fl-2010 huwa ħa sehem fil-Malta Eurosong flimkien ma’ Eve Daly bil-kanzunetta ‘The Best Years’. Net News tkellem ma’ Eve Daly li ddeskriviet lil Godwin bħala persuna umli ħafna u maħbub minn kulħadd. Hija kienet ilja tafu għal dawn l-aħħar għoxrin sena, fejn apparti kollega, kien ħabib kbir tagħha.

Is-sena l-oħra Godwin Lucas interpreta s-silta ‘Għanja lil Ibni’ waqt il-festival Mużika Mużika flimkien man-neputi tiegħu Mark Spiteri Lucas li sellem il-memorja taz-ziju tiegħu f’post fuq facebook. Mark kiteb li l-melodiji li għanna żgur li se jibqgħu jidwu fostna għax Godwin Lucas kien artist u l-arti ma tmutx.. tibqa’ hemm tiġri fil-vini ta’ kulħadd.

F’post ieħor fuq il-media soċjali, in-neputi tiegħu Kurt Spiteri Lucas fakkar liz-ziju tiegħu bħala raġel b’karattru ċajtier li kien dejjem lest jgħin lil kulħadd u li ddedika ħajtu għall-mużika.

Godwin Lucas interpreta bosta kanzunetta fuq Net Television fost l-oħrajn waqt il-programm The Entertainers. Matul is-snin huwa ħa sehem ukoll fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza.

Permezz ta’ post fuq facebook, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Arti u l-Kultura Julie Zahra sellmet il-memorja ta’ Godwin Lucas.

Il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Media.Link Communications tagħti l-kondoljanzi tagħha lill-familja ta’ Godwin Lucas.