Anzjan ta’ 72 sena miet traġikament wara li waqa’ minn fuq l-irdumijiet fl-inħawi ta’ Għar Ħasan, f’Birżebbuġa waqt li kien qed jistad.
Il-Pulizija rċivew rapport għall-ħabta tal-ħdax tal-Ġimgħa filgħaxija li l-anzjan residenti Ħal Tarxien ma rritornax lura d-dar.
Il-Pulizija tad-Distrett marru fiż-żona ndikat lilhom li l-anzjan kellu jmur jistad u kien hemmhekk fejn sabu l-vettura tiegħu, kif ukoll xi oġġetti personali u affarijiet relatati tas-sajd.
Minnufih bdew tfittxijiet fiż-żona mill-Pulizija u membri tal-Protezzjoni Ċivili minn fuq l-art, waqt li l-Forzi Armati ta’ Malta assistew bi tfittxijiet fil-baħar permezz ta’ patrol boat u mill-ajru permezz ta’ ħelikopter.
Sfortunatament, is-Sibt filgħodu ntlemaħ katavru f’daħla fil-blat mill-bugħaddasa tal-Forzi Armati, fejn ġie kkonfermat li kien tar-raġel ta’ 72 sena. Aktar tard il-kadavru ddaħħal fil-Bażi Marittima f’Xatt it-Tiben.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-anzjan x’aktarx waqa’ b’mod aċċidentali minn fuq lirdumijiet waqt li kien qiegħed jistad.
Bil-każ ġie nfurmat l-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak, li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistu. L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>