Internazzjonali

L-Ewropa tinħakem minn mewġa ta’ sħana – Franza twaqqaf l-avvenimenti pubbliċi fuq barra

Is-sħana qed iżżid b’rata sostanzjali madwar l-Ewropa, bit-temperaturi saħansitra jilħqu l-40 gradi celsius f’partijiet tal-kontinent.

Fi Franza avvenimenti pubbliċi fuq barra ġew saħansitra pprojbiti fiż-żona ta’ Bordeaux bis-sħana mistennija tissokta matul il-jiem li ġejjin.

Xjentisti saħqu li l-perjodi ta’ sħana intensa se jkunu qed isiru aktar komuni, frekwenti u itwal….sforz it-tibdil fil-klima.

Kelliema għall-Gvern Franċiż qed iħeġġu liċ-ċittadini sabiex iżommu ruħhom friski, u jevitaw li joħorġu mid-dar għal xejn. Saħansitra l-iskejjel spiċċaw ingħalqu wara li Franza intlaqtgħet minn din il-mewġa ta’ sħana li qed tiġi kkunsidrata bħala l-aktar waħda li waslet kmieni matul is-sena fl-istorja.

Spanja u l-Italja wkoll qed jesperjenzaw sħanat qawwija…bit-temperaturi jiżbqu dawk ta’ Malta.

Fi Spanja diversi pumpiera ġew imsejħa f’numru ta’ reġjuni sabiex jitfu nirien li ħakmu foresta qrib Sierra de la Culebra….fejn mal-200 persuna kellhom jaħarbu minn djarhom kawża tan-nirien li belgħu liż-żona.

Dan filwaqt li aktar minn 3,000 persuna ġew evakwati mit-theme park ta’ Puy de Fou fiċ-ċentru ta’ Spanja.

Diversi tobba saħqu li persuna trid toqgħod attenta u tieħu ħsieb saħħitha kemm jista jkun. Għaldaqstant għandha tevita li toqogħod fix-xemx bejn il-11 ta’ filgħodu u l-4 ta’ waranofsinhar – filwaqt li tapplika l-krema solari kemm jista jkun.