Artiklu: Stewart Said
Dikjarazzjoni oħra minn Sliema dwar l-intenzjonijiet tagħhom li jissieltu għall-unuri kollha hekk kif ħabbru li estendew il-kuntratt tal-kowċ Beto Fernandez b’sentejn. B’effett minn dan il-kuntratt, l-Ispanjol se jkun f’pajjiżna matul is-sena kollha hekk kif fix-xhur tax-xitwa li għaddiet, mhux dejjem kien preżenti minħabba impenji internazzjonali.
“Ninsab kuntent li ffirmajt ma’ Sliema biex inġedded il-kuntratt. Qed naħdmu iebes biex intejbu t-tim tagħna. Għandna bżonn il-ħin biex naħdmu flimkien u nagħmlu tim b’saħħtu. Ninsabu fi triq it-tajba,” qal Fernandez fl-ewwel kumment tiegħu ma’ dan is-sit.
Fernández kien ġej minn esperjenza twila mal-klabb Spanjol CN Mataro. Hu nħatar kowċ ta’ Sliema fil-bidu ta’ Awwissu li għadda flok Sergio Afric. Hu ħalla impatt immedjat fis-sajf li għadda b’sitt rebħiet mill-aħħar tmien logħbiet tal-istaġun. Filwaqt li kompla jiżviluppa diversi żgħażagħ interessanti fit-tim Slimiż, taħt it-tmexxija tiegħu Sliema akkwistaw lill-plejer tat-tim nazzjonali Dino Zammit.
Din is-sena wkoll hi pożittiva għal Sliema hekk kif sa issa rebħu ż-żewġ unuri għad-dispożizzjoni, jiġifieri l-Enemed Cup u l-Kampjonat tax-Xitwa, bit-trofew tal-aħħar kienu ilu nieqes mill-Pitch ta’ Tas-Sliema mill-2014. L-għan ta’ Sliema f’dan il-Kampjonat tas-Sajf hu li jisfidaw kemm għar-rebħ tal-kampjonat kif ukoll għan-knock-out. Sa issa huma rebħu t-tliet logħbiet li kellhom fil-Fażi Preliminari.
