Lokali

Aktar dettalji xokkanti dwar id-deal tal-windfarms fil-Montenegro

Persuna assoċjat mill-qrib ma’ Yorgen Fenech xtara proprjetà, f’Londra, b’valur ta’ €2.5 miljun, ftit xhur wara li Fenech u dan l-persuna msemmija, għamlu l-miljuni minn deal bil-moħbi tal-Enemalta tal-wind farm tal-Montenegro. L-eks direttur tal-Electrogas, Turab Musayev, iffirma kuntratt ta’ €2.5 miljun għal appartament, f’Holland Park Gardens, viċin Kensington Palace.

Deal li sar sitt xhur wara il-ftehim ta’ Diċembru 2015 li Fenech u Musayev qasmu bejniethom. Dawn id-dettalji dehru għall-ewwel darba fis-Sunday Times of Malta li minn naħa tagħhom raw dokumenti li juru li Fenech aġixxa bħala xhud waqt il-fethim tax-xiri tal-propjetà f’Londra.

Il-kumpanija ta’ Musayev, Cifidex, biegħet l-ishma fil-proġett tal-wind farm lill-Enemalta għal €10.3 miljun, wara li ġimgħatejn qabel kienet xtrat dawk l-istess ishma għal €2.9 miljun. Il-valur tal-propjetà f’Londra huwa l-istess ammont tal-valur ta’ profitt li Musayev għamel mid-deal tal-Montenegro u l-Enemalta. Musayev ma weġibx meta mitlub għal kumment mit-Times.

Intant, dokumenti juru li Cifidex iddaħlet fil-ftehim tal-Enemalta u l-windfarms fil-Montenegro minn Chen Cheng, in-negozjant Ċiniż li kienu involut fid-deal bejn l-Enemalta u Shanghai Electric Power. L-akkwist oriġinali ta’ Cifidex kien iffinanzjat mill-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech. Dak iż-żmien, Konrad Mizzi kien Ministru tal-Enerġija. Dwar id-deal tal-Montenegro għaddejja inkjesta maġisterjali li bdiet fl-2020, wara r-rivelazzjonijiet tat-Times of Malta u Reuters.

Ritratt: DOI