Internazzjonali

Franza: Disfatta għal Macron…Il-President Franċiż jidher li se jitlef il-maġġoranza fl-Assemblea ta’ Pariġi

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, qed jidher viċin tal-ewwel disfatta kbira għalih mindu kien ikkonfermat mill-ġdid fit-tmexxija tal-pajjiż waqt l-elezzjoni Presidenzjali ta’ April.

U proprju issa — anqas minn xahrejn wara dik l-elezzjoni — hemm indikazzjonijiet kbar li hu se jitlef il-kontroll tal-Assemblea Nazzjonali ta’ Pariġi wara li numru ta’ partiti rivali rnexxielhom jiġġeneraw livell ta’ appoġġ deċiżiv fit-tieni rawnd (tallum) tal-votazzjoni speċifika.

Għalkemm il-koalizzjoni ‘Ensemble’ ta’ Macron tidher li se tirbaħ din l-elezzjoni, l-ewwel indikazzjonijiet diġà qed juru li l-President se jitlef humru sostanzjali ta’ siġġijiet fl-Assemblea u dan għandu jfisser li hu, ‘il quddiem,, kapaċi jsibha ferm diffiċli biex iressaq u jimplimenta sensiela ta’ riformi fid-diversi setturi governattivi.

Intant, l-alleanza tax-xellug u l-ħodor ta’ Jean Luc Melenchon — rivali kbir ta’ Macron — qed tidher li se tispiċċa t-tieni wara l-Ensemble waqt li l-Partit tal-lemin estremista ta’ Marine Le Pen, li kienet tilfet l-elezzjoni presidenzjali kontra Macron, ukoll qed jidher li mar tajjeb fil-vot għall-assemblea.