Il-President ta’ Franza,Emmanuel Macron, qed jistenna l-ewwel indikazzjonijiet mit-tieni rawnd tal-elezzjoni għall-Assemblea Nazzjonali…Elezzjoni li għandha tkun ferm kruċjali għat-tmexxija tiegħu matul is-snin li ġejjin.
Fil-fatt, kwalunkwe disfatta jista’ ikollha riperkussjonijiet sinifikanti għall-Presidenza ta’ Macron – li qed jiffaċċja l-ewwel eżami serja xahrejn wara li kien elett mill-ġdid fit-tmexxija ta’ pajjiżu.
Filwaqt li Macron kien għeleb lil Marine Le Pen, il-kandidat estremista tal-lemin, fl-elezzjoni għall-Presidenza, l-isfida, din id-darba, kienet jerġa’ aktar diffiċli peress li quddiemu hemm alleanza politika intiża biex twaqqfu milli jwettaq ir-riformi li jixtieq li jimplimenta fuq bażi nazzjonali.
Il-kandidat Jean-Luc Mélenchon – tax-xellug estrem u rivali kbir ta’ Macron – qed imexxi l-alleanza magħmulha mix-xellugin u l-ħodor u li kienet spiċċat ras-imb-ras ma’ Macron ftit aktar minn ġimgħa ilu.
L-isem tal-alleanza hi NUPES – li tissimbolizza Unjoni Ġdida Popolari u Soċjali b’interess dirett fl-aspett Ekoloġiku.
U l-indikazzjonijiet huma li din l-alleanza tista’ twaqqaf lill-President Macron milli jikseb il-289 siġġu li kellu bżonn għal maġġoranza ċara fl-Assemblea.
Min-naħa tagħha, l-alleanza taċ-ċentru ta’ Macron, bl-isem Ensemble, qed takkuża lill-alleanza ta’ Melenchon bħala ‘żwieġ ta’ konvenjenza bejn il-Komunisti, is-Soċjalisti u l-Ħodor, fost oħrajn’.
Iżda n-NUPES dehru li attiraw segmenti importanti tal-votanti Franċiżi bil-wiegħdiet tagħhom biex jikkumbattu l-għoli tal-ħajja; li jnaqqsu l-età għall-irtirar u biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima. Dan ukoll meta ħafna Franċiżi li jinteressahom l-ambjent qed jappoġġjaw lil din l-alleanza huma u jakkużaw lil Macron ‘b’li ma għamel xejn fil-passat biex itaffi l-impatt tal-greenhouse gases’.
It-tieni rawnd tal-elezzjoni hu ddominat mill-‘battalji’ diretti bejn numru ta’ kandidati għal siġġu fl-Alleanza. Dan waqt li numru ta’ ministri fil-Gvern ta’ Macron kienu qed jissieltu biex iżommu posthom fl-amministrazzjoni – b’wieħed minnhom ikun Clement Beaune, il-Ministru responsabbli mill-Ewropa.
F’ każ li ma jiksibx maġġoranza ta’ 289 siġġu fl-Assemblea, Emmanuel Macron ikun jeħtieġ l-appoġġ ta’ partiti oħrajn biex jixpruna r-riformi li jridu iwettaq – fosthom żieda fl-età għall-irtirar, qtugħ fit-taxxi u riformi fil-qasam tas-sigurtà soċjali.
Fl-istess ħin, numru ta’ osservaturi indipendenti qed jirreferu għall-għoli tal-ħajja bħala kriżi attwali u li Macron jeħtieġ jindirizza mingħajr dawmien. Dan meta fi Franza qed jgħixu mal-10 miljuni taħt il-linja tal-faqar u meta l-prezzijiet tal-ikel fil-pajjiż qed jiżdiedu kważi minn ġimgħa għall-oħra.
Waqt din il-kampanja, Macron ma setax jakkuża lil Melenchon bħala ‘estremista li jmur kontra l-valuri tar-Repubblika’ bħalma kien għamel fil-każ ta’ Le Pen qabel il-vot għall-Presidenza.
Hu wkoll indikattiv li numru ta’ partiti eqreb iċ-ċentru saru wkoll alleati ta’ Melenchon anki waqt li l-President Macron kien qed jitlob lill-votanti għal maġġoranza soda ‘fl-interess assolut tal-pajjiż’, fost referenzi għall-Ewropa ‘li qed tkun affettwata kontinwament mill-gwerra tal-Ukrajna.’
//= $special ?>