Is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, wissa li l-Punent għandu jkompli jagħti l-massimu tal-appoġġ lill-Ukrajna waqt gwerra li ‘kapaċi ddum għaddejja s-snin’. Stoltenberg qal ukoll li l-ispejjeż tal-gwerra huma għoljin iżda ma ħalla l-ebda dubju li l-Ewropa tispiċċa tħallas prezz ferm ogħla f’sitwazzjoni fejn ir-Russja tilħaq it-tragwardi militari tagħha fl-Ukrajna.
It-twissija ta’ Stoltenberg ingħatat anki waqt li l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson,wissa wkoll dwar il-ħtieġa li l-pajjiżi tal-Punent jippreparaw għal gwerra ‘fuq it-tul taż-żmien’. Kemm Stoltenberg u Johnson, intant, qablu li t-trasferimenti ta’ aktar armamenti lill-Ukreni għandhom ikunu strumentali biex l-Ukrajna tirbaħ il-gwerra kontra l-qawwiet tal-President Russu. Vladimir Putin, li kienu invadew l-artijiet Ukreni fl-aħħar jiem ta’ Frar.
Jens Stoltenberg – waqt intervista lil-gazzetta Ġermaniża Bild — qal li l-Punent ma jistax inaqqas mill-impenji tiegħu ħalli jgħin lill-Ukrajna anki jekk il-gwerra qed tirriżulta f’qabża enormi fil-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel għaċ-ċittadin Ewropew komuni.
Hu jemmen ukoll li l-akkwist tal-armamenti moderni mill-Ukreni għandu jgħinhom ħafna biex huma jilliberaw ir-reġjun tad-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna, u li ħafna minnu hu okkupat mit-truppi Russi. Il-qawwiet Ukreni u Russi, intant, ilhom l-aħħar xhur jiġġieldu għall-kontroll tat-territorji Ukreni tal-lvant, bl-Armata ta’ Putin tagħmel xi avvanzi żgħar fl-aħħar ġimgħat.
Sadanittant, il-Prim Ministru Johnson, waqt artiklu fis-Sunday Times ta’ Londra, akkuża lill-President Putin b’li qed iwettaq gwerra kontra l-Ukreni ‘bil-ħsieb li jkisser poplu b’sensiela ta’ metodi ( militari) mill-aktar brutali’.
U għal Johnson, iż-żmien se jkun kruċjali għaliex kollox jiddependi minn jekk l-Ukrajna jirnexxilhiex issaħħaħ il-kapaċità biex tiddefendi ruħha aktar malajr milli r-Russja jirnexxilha ġġedded il-kapaċitajiet biex tinsisti bl-offensiva.
//= $special ?>

