Il-messaġġ ta’ solidarjetà assoluta mingħand l-Unjoni Ewropea lill-Ukrajna qed ikun indikat bħala sfida diretta lir-Russja u lill- President Vladimir Putin, waqt iż-żmenijiet tal-agħar konflitt fl-Ewropa minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
L-osservaturi tax-xena internazzjonali qed jindunaw ukoll li l-folja qed tinqaleb wara li ħafna Stati Ewropej, għal snin sħaħ,, kienu żammew lura milli jesprimu kwalunkwe pożizzjoni politika li ‘setgħet turta lill-Kremlin ( ta’ Moska)’.
Intant, l-impenn ċar tal-Unjoni Ewropea biex twitti t-triq għall-isħubija tal-Ukrajna f’dan il-grupp ta’ pajjiżi hu ġest prattiku daqskemm hu sinifikanti fi żmien meta ħafna mill-Ewropa tinsab mhedda mill-politika tar-Russja – u tal-President Putin.
Kien ukoll sinifikanti l-aħħar diskors ta’ Ursula von der Leyen – il-President tal-Kummissjoni Ewropea li, għall-okkażjoni, libset biex tirrifletti l-kuluri nazzjonali tal-Ukrajna – fis-sens li l-Ukreni ‘huma lesti biex jagħtu ħajjithom ħalli jenfasizzaw li pajjiżhom għandu futur bħala parti mill-Familja Ewropea’.
L-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi dalwaqt tagħlaq erba’ xhur fost indikazzjonijiet li Moska tista’ qed taħseb biex tferrex iz-zona ta’ gwerra anki ‘il hinn mill-artijiet Ukreni.
//= $special ?>

