Lokali

Intervista ma’ Tonio Borg dwar il-ktieb: ‘The blue sisters saga: A legal and factual analysis’

‘The Blue Sisters Saga: A legal and factual analysis’ hu l-aktar pubblikazzjoni reċenti mill-pinna u r-riċerka ta’ Tonio Borg, Eks Kummissarju Ewropew Malti u Eks Ministru, li ma jgħejja qatt jistudja u jirriċerka dwar temi li għalkemm ikunu għaddew is-snin minn fuqhom, xorta jibqgħu rilevanti għaż-żminijiet tal-lum, anzi nkunu qed niżbaljaw jekk ma niħdux il-lezzjonijiet li tagħtini l-istorja… kemm jekk storja reċenti kif ukoll jekk mhix daqstant reċenti.

Din il-pubblikazzjoni Tonio Borg iqisha bħala għodda mill-aktar importanti għal dawk li jħobbu l-istorja politika u legali ta’ pajjiżna, fosthom l-avukati u l-studenti tal-liġi l-aktar dawk li jinteressahom id-dritt pubbliku u amministrattiv, u għal kull min tinteressah il-politika li permezz tagħha jista’ jsir ġid kbir… u xi kultant ħsara kbira meta tiġi abbużatha.
It-test sħiħ ta’ din l-intervista hu dan:

Għaliex ħassejt il-ħtieġa li tikteb ktieb dwar il-każ tal-Blue Sisters li seħħ 42 sena ilu?

Għal diversi raġunijiet. Dan il-każ ta lok għal mill-inqas sitt kawżi jew inċidenti oħra, żewġ kawżi mill-Gvern biex jieħu f’idejh dan l-isptar privat, żewġ kawżi ta’ disprezz tal-Qorti, waħda kontra Frank Portelli l-oħra kontra Giovanni Bonello, riżenja ta’ Prim Imħallef u Imħallef, sospensjoni tal-Qorti għal ħames ġimgħat, multa imposta fuq il-mitt avukat li ffirmaw kawża kostituzzjonali, żewġ kawżi kostituzzjonali, u liġi biex tnaqqas u tiżbor il-poter tal-Qorti li jikkontrollaw lill-Gvern. X’ma tiktibx ktieb!

Kont avukat dak iż-żmien?

Kont għadni kif iggradwajt bħala Avukat f’Jannar tal-1980 u bdejt nipprattika l-Qorti. Kont sirt ħabib ħafna mal-Avukat Giovanni Bonello, li għallimni ħafna fil-qasam tad-drittijet tal-bniedem. Kien hu li f’Malta, permezz tal-170 kawża li għamel dwar dan is-suġġett, qajjem kuxjenza dwar il-liġi tad-drittijiet tal-bniedem, li llum saret daqshekk popolari.

Fuq xiex kien il-każ tal-Blue Sisters?

F’Mejju tal-1980, il-Gvern Laburista kien daħħal kundizzjoni stramba fil-liċenzja tal-Isptar Blue Sisters. Dan kien l-ewwel sptar privat f’Malta mmexxi minn sorijiet Kattoliċi li isimhom kien ‘Little Company of Mary’, iżda minħabba l-abitu tagħhom ikħal u abjad, kienu jissejħu Blue Sisters. Din il-kundizzjoni kienet tgħid li mill-inqas nofs is-sodod u faċilitajiet kellhom jingħataw lill-Gvern. Giovanni Bonello, bħala l-Avukat tas-sorijiet, ġustament ried jattakka din il-kundizzjoni li kienet xejn inqas minn esproprjazzjoni u qalli biex nagħmillu ftit riċerka dwar is-suġġett. Hekk għamilt u nfetħet
il-kawża.

X’kien l-eżitu tal-kawża?

Il-kawża ġiet appuntata quddiem l-Imħallef Joseph Herrera. Dan iddeċieda li dik il-kundizzjoni kienet irraġjonevoli, u allura ddeċieda favur il-Blue Sisters.

Kif kien ġie l-isptar f’idejn il-Blue Sisters?

L-Isptar ma nbeniex mill-Gvern. Inbena minn Emilia Zammit miżżewġa Clapp. Għalhekk l-Isptar sal-lum jismu ‘Sptar Zammit Clapp’. Bnietu hi a spejjeż tagħha u żewġha, li kien Amerikan, lejn l-aħħar tas-seklu tmintax u għammritu bl-istrumenti kirurġiċi wkoll. Fl-1911 hi rregalat l-isptar lill-poplu Malti billi tatu lill-Gvern, bil-kundizzjoni li jmexxuh il-Blue
Sisters. Kienet inkludiet ukoll kundizzjonijiet oħra bħal, pereżempju, li hi u oħtha Mary Zammit jindifnu hemm, u li ż-żewġ kwadri ta’ Caruana Dingli, wieħed tagħha u wieħed ta’ żewġha jiddendlu fil-foyer tal-Isptar.

Kien għalhekk bla sens u arbitrarju li wara li l-Gvern aċċetta d-donazzjoni tal-isptar bil-patt li l-isptar imexxuh il-Blue Sisters, imbagħad jagħmlilhom kundizzjoni biex prattikamnet jaħtaf l-isptar f’idejh.

X’kienet ir-reazzjoni tal-Qrati?

Mhux kulħadd kien l-istess. Kien hemm min warrab, ħasel idejh, u qagħad lura. Iżda kien hemm min iddefenda d-drittijet tal-bniedem.

F’ċertu mument il-Gvern, meta ra li tilef l-ewwel kawża, għamel it-tieni kawża biex ikeċċi lill-Blue Sisters mill-isptar billi qal li l-użufrutt tagħhom kien skada fl-1941, u alla jbierek, ħadd ma nduna!

Il-Qorti t’Isfel iddeċidiet favur il-Gvern, iżda l-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Hugh Harding, kienet qalbet is-sentenza u qalet li t-titlu tas-sorijiet ma kienx użufrutt.

X’inċidenti oħra nqalgħu fil-każ tal-Blue Sisters?

Diversi. F’Ottubru tal-1980 Dr Frank Portelli, dak iż-żmien kandidat Nazzjonalista, kien ikkritika l-fatt li l-Qorti tal-Appell kienet issuġġeriet li l-Gvern jagħmel it-tieni kawża kif fil-fatt għamel. Kien ittella’ għal disprezz tal-Qorti. Tista’ tgħid l-Avukati kollha ffirmaw rikors kostituzzjonali fejn allegaw li l-istess imħallfin li ħassewhom inġurjati ma jistgħux huma stess jiddeċiedu dan il-każ ta’ disprezz.

B’reazzjoni, il-Gvern għadda waħda mill-agħar liġijiet fl-istorja tal-Qrati. Kien ħareġ regolament li bih, retroattivament, ġiet imposta multa ta’ Lm1,000 (€2,300) fuq kull Avukat iżjed minn tlieta li jiffirma rikors! Xorta waħda, bi sfida, ħadd mill-mitt avukat ma rtira l-firma tiegħu

X’kienet ir-reazzjoni tal-PN dakinhar?

Il-Partit Nazzjonalista sostna l-każ tal-Blue Sisters. Il-Gvern, meta ra li mill-Qorti ma kienx qed jirnexxilu jieħu l-Isptar f’idejh, f’Diċembru tal-1980, ma ġeddidx il-permess tax-xogħol tss-sorijiet Irlandiżi li kienu jmexxu l-isptar, u b’hekk ordna t-tkeċċija tagħhom minn Malta.

Kienet deċiżjoni tal-mistħija. L-għada, f’kemm ili ngħidlek, il-Partit Nazzjonalista kien organizza mass meeting kbir ta’ protesta quddiem l-isptar stess. Niftakar kont hemm u kienet ġurnata ta’ kesħa kbira. Iżda n-nies ġiet. Kienu indirizzaw il-mass meeting Eddie Fenech Adami kif ukoll, Giovanni Bonello bħala l-Avukat tal-Blue Sisters.

Giovanni Bonello kien allega li l-Maġistrat tal-Għassa kien żamm it-telefon maqlugħ meta hu għamel rikors biex is-sorijiet ma jinżammux taħt arrest sakemm jiġu deportati. Minħabba f’hekk fil-31 ta’ Diċembru 1980, proprju lejlet l-ewwel tas-sena, Giovanni Bonello kien tressaq il-Qorti għal disprezz, iżda l-każ kien sfuma fix-xejn.

X’kien seħħ fil-mass meeting tal-20 ta’ Diċembru?

Kienet għaddiet Riżoluzzjoni ppreparata mid-diriġenti tal-Partit. Din ir-riżoluzzjoni kienet tgħid li l-aġir tal-Gvern kien imur kontra l-kuxjenza tal-poplu Malti li għal snin twal kien apprezza l-mogħdrija u servizz dedikat tas-sorijiet għall-gid tal-oħrajn. Għalhekk il-poplu ltaqa’ f’dan il-mass meeting, bi tpattija u bi protesta għall-azzjoni ħażina tal-Gvern.

Inti semmejt li l-Gvern imbagħad għadda liġi biex il-Qrati ma jindaħlux kontra l-azzjonijiet tal-Gvern. X’kienet din il-liġi?

Dik kienet battalja politika u legali oħra. Il-Gvern għadda liġi fejn ta lilu nnifsu diversi privileġġi u apparti minn hekk, ipprojbixxa milli l-Qorti tindaga jekk azzjoni tal-Gvern hix raġjonevoli, kif kienet għamlet il-Qorti fil-każ tal-Blue Sisters.

L-Oppożizzjoni kienet iġġieldet bil-qawwa kollha dan l-Abbozz fil-Parlament. Kienu intervjenew fid-dibattitu Ugo Mifsud Bonnici, Guido de Marco, Eddie Fenech Adami u Joe Fenech. Kienu diskorsi sbieħ u studjati li ħammru wiċċ il-Gvern li baqa’ jinsisti li ma kien qed ibiddel xejn meta fil-fatt kien qed ibiddel ħafna. Wara, meta kien hemm il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, dik il-liġi infami tħassret. Mhux talli l-Gvern Nazzjonalista ma neħħiex il-kontrolli fuqu nnifsu, talli għamel liġi li tippermetti lil kull ċittadin jikkontesta kull deċiżjoni tal-Gvern li tkun kontra r-raġuni.

Issemmi fil-ktieb inċident partikolari li jirrigwarda lil Giovanni Bonello. Spjega ftit. Fi żmien tal-kawżi kontra l-Blue Sisters, Giovanni Bonello kien ma’ xi ħbieb f’restorant f’Marsaxlokk, ċioè fil-Hunters’ Tower li kien ta’ John Dalli li dakinhar kien Deputat Laburista.

F’ħin u f’mument minnhom John Dalli informa lil Giovanni Bonello li aħjar jitlaq għax kien ġej wieħed ifitxxu ħalli jassaltah. Għall-bidu Giovanni Bonello ma riedx jitlaq, iżda mbagħad is-sid tar-restorant qallu li ma kienx se jibqa’ responsabbli għas-sigurtà tiegħu u allura Giovanni Bonello telaq. Ftit wara kien daħal fir-restorant raġel b’arma tan-nar, jitkellem ħażin u jistaqsi għall-“Avukat tal-Blue Sisters”. Dan l-inċident ġie rakkontat fil-ktieb ta’ Sergio Grech: Giovanni Bonello bejn Storja u Miti.

Fil-ktieb issemmi li l-Qrati ġew sospiżi għal ħames ġimgħat. Kif ġara dan?

Fit-3 ta Jannar 1981 kienu rriżenjaw il-Prim Imħallef J.J. Cremona u l-Imħallef F. Mizzi. It-tnejn li huma ma żvelawx ir-raġuni għaliex kienu rriżenjaw qabel ma għalqu l-età tal-irtirar għall-imħallfin ta’ 65 sena.

Il-Gvern iżda akkuża lill-Oppożizzjoni u lill-avukati li dan kien ġara minħabba l-kawżi li saru fil-Qorti mill-Blue Sisters, speċjalment meta mitt avukat, ċioè tista’ tgħid l-avukati kollha prattikanti, kienu ffirmaw il-kawża kostituzzjonali biex Frank Portelli ma jiġix aġġudikat mill-istess imħallfin li ħassewhom offiżi bil-kitba tiegħu.

Għalhekk, bi tpattija, il-Gvern, li dak iż-żmien kellu l-poter bil-liġi li jassenja d-dmirijiet fost l-Imħallfin, issospenda d-dmirijiet tagħhom għal ħames ġimgħat, li fil-prattika kien ifisser li l-Qorti kienet magħluqa għal dak iż-żmien. Dak kien abbuż serju ta’ poter.

Iktar tard, taħt Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista, dan il-poter tneħħa minn idejn il-Gvern u ngħata lill-Prim Imħallef. Prova ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista ma jfittixx il-poter fih innifsu.

Għal min hu mmirat dan il-ktieb?

Għal dawk li jħobbu l-istorja politika u legali ta’ pajjiżna. Għall-avukati u għall-studenti tal-liġi l-aktar dawk li jinteressahom id-dritt pubbliku u amministrattiv, u għal kull min tinteressah il-politika li permezz tagħha jista’ jsir ġid kbir… u xi kultant ħsara kbira meta tiġi abbużatha.

Tags