Lokali

Jibda leġiżlatura bl-agħar mod possibbli

Il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo beda din il-leġiżlatura fuq is-sied il-ħażina hekk kif l-ewwel spiċċa dahru mal-ħajt dwar l-infieq bl-addoċċ ta’ flus il-poplu mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) li taqa’ taħt ir-responsabbiltajiet tiegħu, u issa approva Avviż Legali li permezz tiegħu qed iċaħħad lir-residenti tal-Belt Valletta mill-mistrieħ tagħhom hekk kif il-mużika tista’ tibqa’ titħalla tindaqq sas-1am.

Fil-ġimgħat li għaddew il-Ministru Clayton Bartolo kien ripetutament fl-aħbarijiet wara li kien żvelat li f’sena waħda biss il-baġit tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu nqabeż b’xejn inqas minn €20 miljun fi flejjes li kollox jindika li ntefqu bl-addoċċ fuq avvenimenti, direct orders, sponsors lil terzi tal-qalba u f’ħafna lussu żejjed.

Sal-lum il-Ministru Clayton Bartolo ħarab milli jwieġeb għad-domandi u għall-akkużi li qed isirulu u wara din in-nefqa żejda ta’ €20 miljun f’sena waħda biss, issa anki l-baġit għal din is-sena mistenni jeċċedi wkoll b’aktar minn €20 miljun oħra.

Fil-fatt jirriżulta li grazzi għal dan l-infieq mingħajr pjan serju, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu talbet formalment biex għal din is-sena wkoll ikunu allokati għaliha aktar fondi biex jitħallsu djun li diġà saru. Sa issa din it-talba għadha ma ntlaqgħetx u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu hemm jiġru warajha għadd ġmielu ta’ kredituri li għandhom jieħdu mijiet ta’ eluf ta’ ewro.

Quddiem din is-sitwazzjoni ta’ tħassib il-Ministru Clayton Bartolo, li oriġinarjament sentejn ilu kien daħal flok l-Eks Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli li kienet ħadet post l-Eks Ministru Laburista Konrad Mizzi, qed jibqa’ jaħrab mir-realtà u ma jindirizzax is-sitwazzjoni. F’dan ir-rigward Kastilja tinsab mhux biss konxja tas-sitwazzjoni għaliex talbet rapporti speċifiċi dwar dan, iżda urtata b’dak kollu li qed jiġri fl-Awtorità Maltija tat-Turiżmu li sa ftit ilu kienet titmexxa mill-famuż Johann Buttigieg.

Jekk il-Ministru Clayton Bartolo sa issa għadu qed jaħrab milli jwieġeb dwar dawn l-iskandli fl-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, tajjeb li jkun osservat li din hi karatteristika tipika tiegħu li jdaħħal rasu fir-ramel… proprju kif ftit tax-xhur ilu kien għamel fir-rigward tal-infieq bl-addoċċ u tassew esaġerat biex kienet organizzata s-serata tal-Malta Film Awsards li ġiet tiswa madwar €1.3 miljun.

Dik is-serata, li kienet organizzata f’Jannar li għadda, biss biss rat lill-preżentatur David Williams, li dakinhar kien qajjem kontroversja minħabba ċ-ċajt li qal dwar Malta, jitħallas xejn inqas minn €200,000.

Dan kollu fl-isfond tal-fatt li l-produtturi tal-films lokali kienu rrifjutaw li jkunu parti minn dik is-serata bi protesta għaliex il-fond annwali għall-films prodotti lokalment meta mqabbel ma’ dak li ntefaq għal dik is-serata hu relattivament baxx. Dakinhar tant dan l-iskandlu ta’ nfieq bl-addoċċ kien ħammar wiċċ il-Ministru Clayton Bartolo li r risposta dwar il-ġustifikazzjoni tal-infieq esaġerat kienet li l-ammont ta’ flus li kienu ntefqu fis-serata tal-Malta Film Awards ma kienx fl-interess tal-poplu li jingħad! Bħallikieku għal dan il-lussu mhux il-poplu Malti u Għawdxi għamel tajjeb?

Issa Clayton Bartolo hu mill-ġdid taħt il-lenti dwar il-flus li ntefqu bl-addoċċ mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu fejn jidher li ammont sostanzjali ta’ flejjes intefqu f’safriet lussużi, f’lukandi kemm f’Malta kif ukoll lil hinn minn xtutna, direct orders u ħlasijiet ta’ ċerti sponsors, divertiment għall-istaff u esaġerazzjonijiet oħra.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju, issa rriżulta wkoll li l-istess Clayton Bartolo approva Avviż Legali biex il-mużika fil-Belt Valletta tista’ tibqa’ tindaqq sas-1am. Dan hu ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti li joqogħdu l-Belt Valletta, iżda kollox jindika li l-Gvern ta’ Robert Abela mhux kapaċi jsib bilanċ bejn il-ħtiġiet tar-residenti u dawk tal-komunità kummerċjali.