Lokali

Jitlob lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta jitlaqqa’ b’urġenza

Dwar din il-kontroversja bla bżonn, Il-Mument ħa l-kummenti ta’ Christian Micallef, il-Minority Leader fil-Kunsill Lokali Valletta li qal li hu bħala l-Kap tal-Minoranza fil-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta kiteb lis-Segretarja Eżekuttiva tal-Kunsill, b’talba għal seduta b’urġenza “biex niddiskutu speċifikament dan l-Avviż Legali li ħareġ il-Gvern fl-aħħar jiem dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tan-negozji fil-Belt Valletta.

“Dan l-Avviż Legali, b’emendi fir-regolamenti, qatt ma kienu diskussi mal-Kunsill Lokali, u allura mal-entità li tirrappreżenta r-residenti Beltin. “Infakkar li jien u sħabi bl-ebda mod m’aħna kontra l-kummerċ fil-Belt Valletta, anzi minn dejjem konna kostanti bħala pożizzjoni dwar din il-kwistjoni, ċioè li għandu jkun hemm bilanċ bejn il-
komunitá residenzjali u dik kummerċjali. “Hu ovvju li b’dan l-Avviż Legali tal-Gvern, qed jinħoloq żbilanċ qawwi kontra r-residenti, biex ma nsemmux il-fatt li l-imġiba tal-Gvern tkompli turi l-arroganza li jirrenja biha, dik li ma jikkalkula lil
ħadd, speċjalment fil-Belt Valletta.”

Christian Micallef qal li fil-verità l-Belt Valletta tenħtieġ bidla fit-tmexxija. “Il-Beltin jixirqilhom Kunsill Lokali li jirrappreżenta l-interessi tar-residenti u tal-komunità, u mhux tmexxija li trewwaħ favur kull deċiżjoni tal-Gvern, anke meta din tmur kontra r-resident. “Din mhijiex sejħa biex jirbaħ il-partiġjaniżmu politiku iżda sejħa ġenwina għall-ġid tal-Belt Kapitali. Fil-Belt Valletta qed tikber it-telqa u n-nuqqas ta’ interess lejn dak li suppost hu dritt bażiku ta’
resident f’daru.”

Hu żied li hu għadu qed jistenna risposta “għat-talba li għamilt bħala Kap tal-Minoranza biex jitlaqqa’ l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta  b’mod urġenti. Jekk għar-residenti din hi kwistjoni urġenti għal min qed imexxi, din mhijiex.” Christian Micallef kompla li “l-esperjenzi li għaddejthom minnhom f’ħajti sal-lum għallmuni li meta temmen f’kawża ġusta u ġenwina, ibqa’ aħdem biex tikseb dak li tixtieq, anke jekk il-mira taf tidher diffiċli u impossibbli.

“Kemm ili fil-politika, meta kien hemm kwistjonijiet li ħassejt li kienu inġusti u jmorru kontra l-individwu li nirrappreżenta, iddedikajt l-enerġija kollha tiegħi biex nara li s-sewwa u l-loġika tirrenja.

Hekk qed nagħmel bħalissa fil-kwistjoni tal-avviż legali li ħareġ il-Gvern, dwar il-ħinijiet tal-ftuħ u d-daqq tal-mużika tan-negozji fil-Belt Valletta.”

Hu fisser li “mhux qed nagħmel dan waħdi, iżda f’ħidma kollettiva ma’ ħbieb u kollegi fil-politika, li bil-fatti tassew nemmnu li l-bniedem għandu jkun fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Inħoss li għandi nirringrazzja lil sħabi l-kunsilliera l-oħra fil-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u f’isem il-Partit Nazzjonalista, Mark Spiteri Lucas u Vince Fabri , lir-residenti Beltin li qed jagħtuna appoġġ kbir anke f’din il-kwistjoni, kif ukoll lit-tliet deputati ħbieb tiegħi, u li jirrappreżentaw l-ewwel distrett u li mingħandhom jien personali sibt spalla kbira; Darren Carabott , Mario de Marco u Paula Mifsud Bonnici .

“Ma’ dawn hemm nies oħra, ġenwini u b’qalb soda li għax jemmnu fis-sewwa, huma lesti jiddefendu
kull inġustizzja.”

Tags