L-allegati ħniżrijiet u allegati abbużi minn dan il-Ministru kienu kontinwi matul is-snin li għaddew Ministru ‘anzjan’ fil-Kabinett tal-Prim Ministru Robert Abela bħalissa hu fiċ-ċentru ta’ diversi konversazzjonijiet dwaru hekk kif hu stabbilit li dan il-Ministru hu s-sid ta’ numru ta’ proprjetajiet – f’Malta u lil hinn minn xtutna – li biex takkwistahom żgur li ma jistax ikollok id-dħul bħala Ministru biss.
Sorsi infurmati li fl-aħħar jiem tkellmu ma’ Il-Mument żvelaw kif dan il-Ministru partikulari hu s-sid ta’ numru ta’ proprjetajiet f’Malta li jiswew flejjes kbar. Barra minn hekk l-istess Ministru għandu wkoll appartament fl-Ingilterra li wkoll jiswa l-belli ewro.
Kulħadd jaf kemm-il proprjetà fl-Ingilterra tiswa flus u għaldaqstant tajjeb li wieħed jistabbilixxi kif dan il-Ministru xtara jew akkwista dan l-appartament partikulari.
Barra minn hekk, intqal lil Il-Mument li l-istess Ministru hu wkoll il-proprjetarju ta’ villa kbira fi Sqallija u wkoll ta’ art imdawra mal-istess villa. Għal darb’oħra jidher li mhux faċli li xi ħadd jispjeg x-xiri ta’ din il-proprjetà partikulari li wkoll tiswa flejjes kbar. Is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument qalu li mill-esperjenza tagħhom ta’ meta ħadmu viċin dan
il-Ministru partikulari, jistgħu jiżvelaw kif dan il-Ministru hu moħbi wara terza persuna li għandha negozju b’rabta bejn Malta u Sqallija.
“Naturalment dan il-Ministru ma jidhirx. Hu moħbi wara dan in-negozju li kollox jindika li qed jirrendi tajjeb lilu wkoll b’tali mod li l-flus li jdaħħal jinvestihom f’xiri ta’ proprjetajiet f’Malta jew lil hinn minn xtutna.”
L-istess sorsi infurmati qalulna li min imexxi dan in-negozju u li moħbi warajh hemm dan il-Ministru, hu wkoll kanvasser prim tal-istess Ministru u fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet kien wieħed mill-fornituri prinċipali bi ħlasijiet għall-kampanja li dan il-Ministru għamel, inkluż parties, spots fuq il-midja soċjali u leaflets.
L-istess sorsi infurmati żvelaw ma’ Il-Mument li dan il-Ministru partikulari fit-tellieqa elettorali ma ddejjaq xejn li juża fondi pubbliċi – flus il-poplu Malti – biex jaġevola l-interessi ta’ dak, ta’ dik u tal-ieħor fi sforz ta’ xiri ta’ voti. Dan l-allegat abbuż minn fondi pubbliċi sar ukoll bil-barka tal-istess Ministru li approva direct orders lil ċerti entitajiet li, skont l-istess sorsi infurmati, pattew lura għall-istess kampanja elettorali vanituża li għamel.
Il-probabbiltà l-kbira hi li n-nefqa f’dan ir-rigward ta’ direct orders approvati minn dan il-Ministru partikulari taqbeż miżerjament iċ-ċifra ta’ nofs miljun ewro u tirrigwarda aktar minn tletin għoti ta’ kuntratt dirett! Matul is-snin li għaddew mill-portafoll li għalih kien responsabbli dan il-Ministru kienu vvutati mijiet ta’ miljuni ta’ ewro biex fil-verità sal-lum għadu ma kkonkretizza l-ebda proġett wieħed li kien konkluż! Anki jekk qabel l-elezzjoni ġenerali l-Ministru stess kellem kostitwenti tiegħu u qalilhom li hekk kif tgħaddi l-elezzjoni t-talba tagħhom kienet se tintlaqa’ u huma jingħataw dak li xtaqu!
L-istess sorsi infurmati qalulna li dawn l-allegati ħniżrijiet u allegati abbużi minn dan il-Ministru kienu kontinwi matul is-snin li għaddew u l-frott ta’ dan kollu hu rifless fl-istil ta’ ħajja tal-istess Ministru li jħobb jippoppa sidru għar-ritratti… inkluż f’nofs Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta għall-isfumaturi tal-art imxarrba bix-xita bl-ilwien ikkuluriti tad-dwal festivi jirrifletti warajh u quddiemu!
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu, dawk li tkellmu ma’ Il-Mument qalu li huma jibqgħu perplessi kif quddiem dawn l-allegati abbużi, il-Prim Ministru Robert Abela jibqa’ indifferenti u ma jagħmel xejn.
“Għoti ta’ direct orders, allegat infiq minn flus il-poplu, allegat tixħim bl-addoċċ… jekk il-Prim Ministru jdur dawra madwaru jsib ħafna x’jiżbor jekk tassew irid jittieħed bis-serjetà li jrid jikkontrolla l-abbuż tal-poter,” temmew jgħidu s-sorsi infurmati li sa ftit ilu kienu qrib ħafna dan il-Ministru partikulari.
//= $special ?>