Lokali

“Il-PN qed jaħdem fuq pjan ta’ 14-il xahar għal Media.link” – Michael Piccinino

“Il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem fuq pjan biex fi żmien 14-il xahar,  il-kumpanija tal-midja tibda ddaħħal flus lura daqs kemm toħroġ” – Hekk saħaq is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino f’intervista ma’ The Malta Independent on Sunday.

Michael Piccinino spjega żewġ punti differenti tas-sitwazzjoni li qed jaħdem fuqha l-Partit Nazzjonalista. Is-sostenibbiltà tal-kumpaniji kummerċjali tal-Partit u l-operat tal-Partit ġenerali.

Is-Segretarju Ġenerali qal li fil-jiem li ġejjin se jkun qed jitressaq pjan għall-approvazzjoni tal-bord ta’ Media.Link, li mbagħad jgħaddi għand ll-fergħa amministrattiva tal-Partit, biex fl-14-il xahar li ġejjin il-kumpanija tal-midja, b’mod operazzjonali, tiġi ‘breakeven’.

Permezz ta’ dan il-proċess, spjega Piccinino, filwaqt li l-midja tal-Partit Nazzjonalista tibqa’ topera, il-Partit se jtejjebha. Fl-intervista mal-Independent, Piccinino qal li l-pjan għal Media.Link, qed jiġi ffinalizzat. Filfatt, bħalissa il-maniġers tad-dipartimenti differenti qed jiffokaw fuq l-oqsma partikolari tagħhom u jħarsu lejn kif jistgħu jkunu aktar effiċjenti u kif jistgħu jkunu massimizzati l-opportunitajiet fis-suq.