Fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League, iċ-champions Maltin se jilgħabu kontra Shamrock Rovers tal-Irlanda
Għoxrin sena wara li Hibernians lagħbu l-aħħar kontra avversarji mill-Irlanda, Shelbourne fil-UEFA Champions League, iċ-champions il-ġodda Maltin se jkunu qed jerġgħu jaffrontaw r-rebbieħa tal-Premier League Irlandiż, din id-darba Hibernians se jkunu qed jerġgħu jilgħabu fil-UEFA Champions League, wara li fl-istaġun li għadu kemm intemm, huma rebħu l-Kampjonat Premier għat-13-il darba fl-istorja tagħhom.
Nhar it-Tlieta li għadda, f’Nyon kienu magħrufa l-poloz tal-ewwel stadji tat-tliet kompetizzjonijiet organiżżati mill-UEFA għall-klabbs. Fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League, Hibernians se jkunu qed jaffrontaw liċ-champions tal-Irlanda, Shamrock Rovers. L-aħħar darba li Hibernians kienu lagħbu kontra klabb minn dan l-istess pajjiż, u fl-istess kompetizzjoni Ewropea, kien għoxrin sena llu bl-eżatt, meta fil-bidu tal-istaġun 2002/03, huma kienu affrontaw lil Shelbourne.
20 sena llu Hibernians kienu avvanzaw rawnd Ewropew wara li eliminaw avversarju Irlandiż
Dak in-nhar, l-iskwadra minn Raħal Ġdid kienu avvanzaw għal rawnd ieħor tal-UEFA Champions League meta kienu għelbu lil Shelbourne b’aggregate ta’ 3-2. Din id-darba, iċ-champions il-ġodda Maltin qed jittamaw li din il-polza kontra r-Rovers Irlandiżi, twassalhom biex jissuperaw l-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni f’din l-akbar kompetizzjoni għall-klabbs Ewropej. Sal-llum, Hibernians irnexxilhom jilħqu dan it-tragward f’din il-kompetizzjoni darbtejn biss fl-istorja. L-ewwel leg bejn Shamrock Rovers u Hibernians se tkun qed tintlagħab nhar it-Tlieta,5 ta’ Lulju f’Dublin u dak in-nhar, il-Paolisti se jkunu qed jilgħabu s-60 logħba tagħhom fi kwalunkwé kompetizzjoni Ewropea fl-istorja tagħhom.
Staġun ilu, fl-Ewropa Hibernians kienu viċin li jiktbu l-istorja meta kienu tassew qrib li jikkwalifikaw għall-istadju tal-play-offs tal-UEFA Ewropa Conference League. B’Hibernians kienu diġa’ kważi b’sieq waħda fir-rawnd li jmiss, meta kienu qed jilgħabu kontra FC Riga tal-Latvja, ilkoll għadna niftakru l-episodji assurdi li waslu biex it-tim Malti safa inkredibilment eliminat. Il-kontroll arbitrali tal-Irlandiż Rob Hennessy, kien skorett għall-aħħar, b’sensiela ta’ deċiżjonijiet ħżiena u inġusti, li ttieħdu kontra Hibernians. Uħud minn dawn id-deċiżjonijiet kienu sfaċċati.
Staġun ilu, Hibernians kienu eliminati fl-Ewropa bl-aktar mod kontroversjali
Fit-tieni leg fl-Istadium taċ-Ċentinarju, l-iskor sad-90 minuta bejn Hibernians u FC Riga kien 1-1. B’dan ir-riżultat, l-iskwadra ta’ Stefano Sanderra kienet se tikteb paġna storika fil-futbol lokali u tikkwalifika għal stadju ta’ kompetizzjoni Ewropea li ħadd qabel mill-klabbs Maltin ma kienu għadhom ikkwalifikaw. Madankollu r-referee għażel li jagħti ħin suplimentari li kien esaġerat u mhux spjegabbli.
Fid-90 minuta, tkeċċa Jake Grech wara li ntwera t-tieni karta safra u mas-sitt minuta tal-ħin miżjud, FC Riga skorjaw il-gowl tar-rebħa għal 2-1. B’dan l-iskor fit-tmiem tad-90 minuta, l-avversarji ta’ Hibernians irnexxilhom jieħdu l-partita għall-ħin barrani. Hibernians bdew jitilfu rashom, anke għaliex ħassew li t-tieni gowl ta’ FC Riga kellu jitħassar għal offside. il-protesti tal-plejers Maltin, inkluż tal-captain Bjorn Kristensen wasluħ biex kienu muri t-tieni karta safra fil-partita, u allura tkeċċa ukoll. Hibernians kellhom jilgħabu l-aħħar nofs siegħa supplimentari b’disa’ plejers u b’temperament ta’ rabja u diżappunt.
In-nofs siegħa tal-ħin barrani kienu infern għal Maltin. Qabel tmiem l-ewwel taqsima tal-ħin barrani, FC Riga rrnexxilhom jiskorjaw il-gowl tat-3-1, li kien ifisser aggregate parzjali ta’ 3-2 favur it-tim mill-Latvja. Ħames minuti mit-tmiem tat-30 minuta ta’ ħin barrani, FC Riga skorjaw gowl ieħor biex għarqu t-tama ta’ Hibernians li setgħu isalvaw il-partita. Kienet eliminazzjoni inġusta u li fil-veru sens tal-kelma, kienet ikkondizzjonata mid-deċiżjonijiet ħżiena li ħa r-referee fil-partita, u li bil-wisq iffavurixxew lil FC Riga. Id-diżappunt tal-plejers, staff tekniku, amministrazzjoni u partitarji ta’ Hibernians, iżda mhux anke ta’ kull dilettant tal-futbol lokali f’Malta, anke jekk m’huwiex simpatiżżant tal-Paolisti, kien wieħed kbir. Aktar minn hekk, s-sentenzi ta’ dixxiplina maħruġa mill-UEFA wara dik il-partita, komplew jitfgħu aktar melħ fuq il-ferita. Fil-veritá, din il-polza kontra Shamrock Rovers, fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League, tista’ tgħin lit-tim Malti biex ifittex tpattija sportiva, u jinġetta motivazzjoni akbar mis-soltu bit-tama li javvanza għar-rawnd sussegwenti ta’ din il-kompetizzjoni.
Wara għoxrin logħba mill-bidu tal-Premier League, Shamrock jinsabu waħedhom fl-ewwel post
L-istaġun fl-Irlanda bħalissa jinsab fl-aqwa tiegħu, u wara 20 partita mill-bidu tal-Premier League, Shamrock Rovers jinsabu l-ewwel fil-Kampjonat, b’ħames punti vantaġġ fuq it-tieni post Dundalk, iżda b’logħba aktar. Matul din it-tmiem il-ġimgħa, Shamrock ġarbu telfa f’konfront dirett kontra l-istess Dundalk. Nhar il-Ġimgħa, f’konfront barra minn dahrom, huma tilfu 1-0, b’gowl deċiżiv li kien skorjat mill-avversarji disa’ minuti mit-tmiem tal-logħba.
L-istaġun ta’ qabel, u li permezz tiegħu kisbu kwalifikazzjoni għall-UEFA Champions League ta’ dan l-istaġun il-ġdid, Shamrock rebħu d-19-il Kampjonat fl-istorja tagħhom. Immexxija mill-kowċ żagħżugħ, Stephen Bradley, Shamrock irnexxilhom jiddominaw il-Kampjonat, tant li temmew l-ewwel b’vantaġġ ta’ xejn inqas minn 16-il punt it-tim li kklasifika fit-tieni post.
Mill-iskwadra preżenti, hemm plejer wieħed biss li jilgħab futbol internazzjonali ma’ pajjiżu. Dan hu d-difensur ċentrali mill-Cape Verde, Roberto Carlos Lopes li għadu kemm għalaq 30 sena.
Plejer b’dixxindenza Maltija hu fost il-plejers fl-iskwadra ta’ Shamrock
Fost l-ismijiet ta’ plejers fl-iskwadra ta’ Bradley hemm dak tal-winger xellugi, Neil Farrugia li għandu 23 sena. Farrugia hu eks internazzjonali ta’ taħt il-21 sena tal-Irlanda u għandu dixxindenza Maltija, iżda mhux biss. Farrugia għandu parantela Franċiża u Spanjola, u f’Marzu tal-2019 kien ħa d-deċiżjoni li jilgħab għat-tim nazzjonali tal-Irlanda, meta kien mgħajjat għall-unika partita li lagħab fil-kategorija ta’ taħt il-21 sena, kontra l-Lussemburgu u li fiha kien saħansitra skorja gowl.
Anke jekk sal-llum, Farrugia għadu qatt ma lagħab mat-tim nazzjonali tal-kbar tal-Irlanda, ir-regolamenti tal-UEFA ma jippermettux li Farrugia jista’ jilgħab għal Malta. Dan għaliex meta Farrugia lagħab mat-timijiet nazzjonali taż-żgħar tal-Irlanda, hu ma kellux passaport Malti, kif wara kollox għad m’għandux sal-llum.
It-tim ta’ Shamrock hu mibni fuq taħlita ta’ plejers ta’ kull tip u etá
Il-bqija tat-tim, champions tal-Irlanda, hu kompost minn aktar plejers ta’ interess, inkluż uċuħ ta’ esperjenza kbira. Il-gowlkiper tat-tim għandu 40 sena; l-eks internazzjonali tal-Irlanda ta’ Fuq, Alan Mannus. Plejers oħra li jispikkaw u li fil-passat lagħbu mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżhom, huma Jack Byrne u Graham Burke; it-tnejn ta’ nazzjonalitá Irlandiża.
Fl-Ewropa, l-istaġun li għadda, Shamrock irnexxilhom jaslu sal-istadju tar-rawnd tal-play-off tal-UEFA Ewropa Conference League, iżda imbgħad kienu eliminati minn Flora tal-Estonja. Ironikament, Flora kienu l-avversarji li eliminaw lill-Hibernians fl-istess staġun, mill-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League.
Fil-mument, Shamrock għaddejin minn forma ħażina, tant li tilfu tnejn mill-aħħar tliet partiti
Fuq il-karta, il-polza ta’ Shamrock Rovers għal Hibernians, tidher li taf tkun waħda iebsa, anke għaliex Shamrock preżentament għaddejin bil-Kampjonat tagħhom, hekk kif l-istaġun domestiku Irlandiż jiġi fit-tmiemu f’Novembru li ġej. Interessanti l-fatt li mill-aħħar 16-il partita li lagħbu Shamrock, tilfu darbtejn iżda fl-aħħar partiti, stajna naraw liċ-champions Irlandiżi mhux fl-aħjar forma tagħhom, tant li ż-żewġ telfiet riċenti li soffrew, waslu fl-aħħar tliet partiti li lagħbu fil-Kampjonat.
Iżda jekk Shamrock jafu jibdew bħala l-favoriti li jgħaddu minn dan l-ewwel rawnd, Hibernians huma kapaċi biżżejjed li b’wirjiet u prestazzjonijiet tajba fiż-żewġ partiti kontra dan it-tim Irlandiż, u għaliex le, anke b’daqxejn element ta’ fortuna li f’dan il-livell ta’ futbol żgur li jkun qed jgħin biex jagħmel id-differenza, jistgħu jkunu huma li joħorġu rebbieħa fuq żewġ partiti.
//= $special ?>