Il-Knisja Kattolika madwar id-dinja, il-Ħadd, iċċelebrat il-festa ta’ Corpus – festa illi tfakkar l-importanza tal-Ewkaristija fil-ħajja tal-Kattoliċi. Kmieni dalgħodu, Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna mexxa quddiesa fil-Katidral tal-Imdina fejn fl-omelija tiegħu tkellem dwar is-sinifikat ta’ din il-festa.
Fid-dawl tal-fatt li issa r-restrizzjoinijiet tal-COVID-19 tneħħew, Charles Scicluna fakkar kif dan il-virus għadu magħna. U appella biex nibqgħu nieħdu ħsieb xulxin. L-Arċisqof wassal appell biex min jista’, jersaq lejn il-knejjes u l-parroċċi u jirċievi l-ġisem u d-demm ta’ Ġesu. Din l-omelija, f’din il-festa, ħabtet fil-jum li fih f’pajjiżna kien iċċelebrat Jum il-Missier u għalhekk, l-Arċisqof wassal l-awgurju tiegħu.
Festi speċjali matul din il-ġimgħa kollha, partikolarment fir-Rabat, fejn ta’ kull sena, Corpus jigi iċċelebrat b’mod devozzjonali, u bit-tradizzjonijiet kollha li jsawwru l-festi Maltin; inkluż l-armar, il-baned u l-logħob tan-nar.
Ħarġet ukoll il-purċissjoni Solenni bis-Santissimu Sagrament, bis-sehem tal-Fratellanzi kollha tal-Parroċċa ta’ San Pawl; purċissjoni illi kienet tinkludi adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat, bis-sehem tat-tfal mill-Parroċċa Rabtija.
Il-Festa ta ‘Corpus Christi’, u allura il-Festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, tmur lura għas-seklu 13. U din is-sena kienet waħda speċjali, għaliex irritornaw iċ-ċelebrazzjonijiet marbutin ma’ Corpus wara li kienu ilhom weqfin sentejn sħaħ minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija.











Ritratti: Matthew Tabone