Lokali Qorti

“Sidien ta’ karozza li nqerdet fi splużjoni fil-Gudja qatt ma kellhom iħalluha ħdejn container bil-logħob tan-nar” – Il-Qorti

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff ikkonfermat sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati fil-konfront ta’ koppja li tilfet it-talba għal kumpens wara l-karozza tagħhom kienet inqerdet għalkollox wara splużjoni f’kontejner li kien fih il-logħob tan-nar fil-Gudja.

Ir-raġunament baqa’ l-istess fejn l-ewwel Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia kienet iddikjarat li l-koppja kellha tort talli ħallewha pparkjata qrib tal-kontejner. Il-koppja Edmond u Daniela Mangion kienu fetħu l-kawża kontra l-kumpanija tal-assigurazzjoni Mapfre Middlesea plc.

Huma qalu li l-kumpanija naqset li tikkumpensahom wara li l-karozza nqerdet bl-isplużjoni li kienet seħħet fit-30 ta’ Ottubru 2016 fil-Gudja. Huma kienu ħallew il-karozza viċin Sqaq Ħabel Wati, il-Gudja, meta seħħet splużjoni, u
konsegwentement il-vettura tagħhom sfat kompletament distrutta, kif sfat distrutta wkoll il-pramm tat-trabi.

In-nar kien se jinħaraq dakinhar stess għall-festa tal-Madonna taċ-Ċintura li tiġi ċċelebbrata fl-istess lokalità u l-isplużjoni seħħet għall-ħabta tal-4.30 p.m. fejn fortunatament ħadd ma weġġa’. Il-koppja qalet li huma kienu talbu lis-soċjetà assiguratriċi biex tagħmel tajjeb għad-danni sofferti minnhom konsegwenza ta’ dan l-inċident, u
dan billi l-vettura tagħhom kienet koperta b’polza tat-tip ‘comprehensiveż.

Kienu lmentaw li s-soċjetà tal-assikurazzjoni kienet qiegħda tirrifjuta li tonora l-obbligi tagħha taħt din il-polza u tħallas il-valur tal-vettura fis-suq, minkejja li ġiet mitluba biex tagħmel dan diversi drabi. Il-kumpanija fir-risposta tagħha wieġbet li t-talbiet tal-koppja huma nfondati u għandhom jiġu miċħuda bl-ispejjeż, għaliex il-koppja naqsu milli jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha sabiex jipproteġu l-vettura assikurata minn telf jew ħsara, kif kienu obbligati li jagħmlu
taħt il-polza tal-assikurazzjoni in kwistjoni.

Xhud importanti f’dan il-każ Marlon Mangion, ħu sid il-karozza, li fl-affidavit tiegħu qal li huwa licensee tal-Kamra tan-Nar tal-Madonna taċ-Ċintura tal-Gudja, u dakinhar tal-inċident kien flimkien ma’ ħuh jagħmel xi xogħol tan-nar fl-għalqa minn fejn kien ser jinħaraq in-nar dakinhar filgħaxija.

Qal li n-nar li kien se jinħaraq, kien ilu fl-għalqa minn filgħodu. Tenna li fil-ħin tal-isplużjoni, huwa u sħabu kienu qegħdin fl-għalqa jiżbarazzaw xi materjal li tpoġġa lejliet minħabba li kienet għamlet ix-xita, u għalhekk ma
nħaraqx in-nar kollu li kellu jinħaraq.

Xehedli l-vannijiet tal-persuni li kienu qegħdin jaħdmu kienu fl-għalqa minħabba li riedu jitneħħew mill-għalqa xi oġġetti li setgħu jkunu ta’ periklu. Qal li f’ħin minnhom saret splużjoni u kulħadd ġera ’l barra mill-għalqa fejn kien hemm il-container bil-ħażna tan-nar.

Kompla li wara ftit huma rritornaw fl-għalqa fejn kien hemm in-nar jaqbad, u sabu li l-vetturi tagħhom ġew totalment distrutti minħabba n-nirien. Edmond Mangion minn naħa tiegħu kkonferma din linformazzjoni, u ppreċiża li l-vetturi personali tal-licencees tan-nar ma jintużawx għall-ġarr tan-nar, u li n-nar jinġarr taħt skorta tal-Pulizija.

Qal li dak il-ħin kull min kien fl-għalqa ġera ’l barra, iżda wara l-inċident hu u sħabu rritornaw flgħalqa sabiex jaraw xi ħsara kienet ġrat. Qal li l-vann tiegħu tal-marka Nissan Navara kien ġie distrutt kompletament, u fil-fatt kellu jiskrappjah ftit ġranet wara l-inċident.

Qal ukoll li fil-vann huwa kellu diversi oġġetti personali, fosthom sistema 3-in-1 għall-ġarr tat-trabi, car seat u oġġetti personali oħra. Għad-domandi li sarulu in kontro-eżami, ix-xhud qal li fil-ħin tal-inċident kien hemm tliet karozzi fl-għalqa, u kien hemm żewġ vetturi oħra pparkjati fuq barra.

L_Imħallef Mintoff qal li l-Ewwel Qorti kkonkludiet li kien meta l-appellanti ħallew il-vettura tagħhom viċin materjal splussiv, huma naqsu milli jonoraw l-obbligu kuntrattwali tagħhom, għaliex xjentement ħallew il-vettura in kwistjoni viċin periklu li seta’ jiġi evitat.

Il-koppja qalet li s-soċjetà tal-assikurazzjoni naqset li tonora l-obbligi kontrattwali u li bl-istess raġunament, l-ebda
vettura m’għandha titħalla viċin pompa tal-fuel, u li s-soċjetà kellha turi li l-koppja kellha għarfien sħiħ tan-natura u l-estensjoni tar-riskju li kien qiegħed jieħu, meta ħallew l-vettura fil-post fejn tħalliet.

L-appellant qal li minkejja li huwa kien jaf Ii ħalla l-vettura tiegħu viċin materjal splussiv, b’daqshekk ma jistax jingħad li huwa ħa riskju prevedibbli, u lanqas ma jista’ jingħad li huwa xjentement għamel xi ħaġa biex ipoġġi l-vettura f’periklu. Il-Qorti qieset li l-appellanti kienu obbligati jonoraw il-klawsoli tal-polza talassigurazzjoni li ntrabtu biha, partikolarment l-obbligu li jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex jimminimizzaw il-periklu għall-oġġett kopert bil-polza. ż

Minn dak li jirriżulta mill-provi, l-appellant ħalla l-vettura tiegħu viċin container li fih kien hemm ħażna nar tal-ajru li kellu jinħaraq filgħaxija stess dakinhar li seħħet l-isplużjoni. “Għandu jingħad li anki s-sempliċi fatt li vettura tħalliet daqstant viċin container mgħobbi bl-isplussiv, jindika li f’dan il-każ ma tteħdux il-miżuri preventivi li bniedem raġonevoli huwa mistenni li jieħu f’każ Ii jrid jipproteġi l-proprjetà tiegħu.

Anki jekk jista’ jiġi konċess li l-isplużjoni li seħħet ma kinitx prevedibbli, xorta waħda għandu jingħad li hemm raġuni għalfejn il-kmamar tan-nar u l-ħruq tan-nar isir f’ċertu distanza mill-bini u minn postijiet abitati, u għalfejn kull min jaħdem in-nar huwa mistenni li jieħu ċerti prekawzjonijiet meta jkun viċin materjal daqstant perikoluż.

Għaldaqstant il-Qorti tqis illi anki jekk dakinhar li seħħet l-isplużjoni ma kienx hemm periklu fis-sens li ma kienx
qiegħed isir taħlit tal-isplussiv u ma kienx qiegħed isir xogħol meqjus aktar perikoluż fl-industrija tal-piroteknika, madanakollu bniedem raġonevoli xorta waħda huwa mistenni li jagħmel dak kollu possibbli sabiex jevita li jesponi lilu
nnifsu u l-proprjetà tiegħu fil-viċinanzi ta’ din l-attività.

“Huwa għalhekk li din il-Qorti, minkejja li tikkonċedi li f’dan il-każ l-isplużjoni li seħħet ma kienitx prevedibbli madanakollu biex Mangion ikun konformi mal-obbligazzjonijiet imposti fuqu bil-polza tal-assigurazzjoni, huwa kellu jassigura li l-vettura ma titħalliex viċin il-ħażna tan-nar.

“F’dan ir-rigward is-soċjetà tal-assikurazzjoni hija korretta meta tgħid li hija kienet obbligata tagħmel tajjeb biss għad-danni li setgħet tbassar fiż-żmien tal-obbligazzjoni, u li ladarba hija qatt ma ġiet infurmata li l-appellant huwa
persuna li jagħmel użu mill-vettura tiegħu meta jmur jaħdem in-nar jew jaħaraq in-nar fil-festi, hija ma setgħetx taqbel li tagħmel tajjeb għad-danni sofferti mill-appellant.

“Dan huwa każ differenti milli kieku persuna ħalliet il-vettura tagħha pparkjata x’imkien, u wara seħħ splużjoni, anki jekk ta’ kamra tan-nar, meta din il-persuna ma kinitx taf li qiegħed isir xogħol ta’ piroteknika fl-inħawi. Għal din ir-raġuni wkoll qajla jagħmel sens l-argument tal-appellant li lanqas m’għandhom jitħallew vetturi viċin pompi tal-fuel, u dan għaliex jekk xi vettura tieħu n-nar minħabba li titħalla viċin pompa tal-fuel, is-soċjetà assiguratriċi jkollha azzjoni fil-konfront ta’ min ikun ikkrea l-periklu jew min ikun naqas milli jieħu l-miżuri kollha sabiex jevita l-periklu” qalet il-Qorti.

F’dan il-każ jirriżulta li l-unika raġuni għalfejn l-appellant u sħabu ħallew il-vetturi tagħhom daqstant viċin il-container fejn kien maħżun in-nar, kienet għaliex huma ma ridux iqandlu l-materjal li ried jinħareġ mill-għalqa għal tul ta’ ħin, u għalhekk iddeċidew li jdaħħlu l-vetturi tagħhom fl-għalqa viċin tal-container.

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Appell qalet li filwaqt li taqbel b’mod sħiħ mal-konklużjonijiet tal-Ewwel Qorti, tqis li l-aggravju sollevat mill-appellanti mhuwiex ġustifikat, u tikkonferma s-sentenza appellata fl-intier
tagħha mogħtija mill-Maġistrat Nadine Lia.