Sport Waterpolo

Valletta jaċċertaw fl-aħħar … Sliema u Marsaskala jirbħu logħbiet bla storja

(Ritratt: Timmy Cutugno)

Rapport: Stewart Said

VALLETTA IZIBET……….. 10

TA’ XBIEX AMIGOS………. 6

(1-1), (3-1), (3-2), (3-2)

Valletta Izibet kisbu t-tieni rebħa minn Grupp A, liema rebħiet se jgħoddu għat-tkomplija tal-Ewwel Diviżjoni. Ta’ Xbiex Amigos offrew oppożizzjoni denja u f’mumenti minnhom dehru li setgħu anki jirbħu l-logħba, iżda ma kinux preċiżi fil-fażi realizzattiva.

Ta’ Xbiex kienu biss fil-vantaġġ għal perjodu żgħir fit-tieni sessjoni wara li Edward Aquilina u Eljiah Schembri kienu wieġbu għall-gowl inizjali ta’ Andrea Agius. Valletta wieġbu bi tliet gowls sa qabel intemmet it-tieni sessjoni u daħlu jistrieħu 4-2 fil-vantaġġ.

Valletta dehru li setgħu jibdew jagħlqu l-logħba b’doppjetta ta’ Luca Felice fit-tielet sessjoni għal 7-3 sakemm Zak Cutajar Licari naqqas id-distakk fl-aħħar attakk tas-sessjoni għal Ta’ Xbiex. Doppjetta tal-veteran Aquilina ħalla d-distakk bejn it-tnejn għal 8-6 b’nofs sessjoni għat-tmiem. Iżda Michele Mifsud kellu ħsibijiet oħra għaliex l-ewwel għalaq il-logħba minn man-up u fl-aħħar minuta ssiġilla r-rebħa b’gowl ieħor.

Valletta: B. Busuttil, N. Farrugia, M. Pace, L. Hyzler, S. Busuttil, Z. Micallef, D. Paolella (1), M. Mifsud (2), S. Micallef, A. Agius (2), T. Said (1), J. Culic, A. Bugeja, L. Felice (4), R. Attard

Ta’ Xbiex: R. Coleiro, C.J. Saliba, E. Aquilina (3), Z. Cutajar Licari (1), E. Meli, S. Engerer, J. Saliba, J. Cassar, E. Schembri (2), B. Attard, P. Tabone, J. Chircop, D. Galea Mule, J. Pace Mizzi

Referees: Massimo Angileri, Ronnie Spiteri

SLIEMA FRANK SALT…………. 24

MARSAXLOKK BROWN’S……. 3

(6-0), (6-0), (8-3), (4-0)

Sliema Frank Salt ma sabu l-ebda problema biex jiksbu rebħa oħra, tliet punti li minħabba l-format eżistenti ma jiswew xejn hekk kif iż-żewġ timijiet se jkomplu l-istaġun f’diviżjonijiet differenti.

Għalkemm ma setgħux ilaħħqu mal-qawwa Slimiża, Marsaxlokk ma kellhomx l-aħjar logħba possibbli hekk kif f’diversi sitwazzjonijiet kellhom markament ħażin fid-difiża u ma bdewx jaslu għall-konklużjoni fl-attakk. Fatt interessanti kien li b’eċċezzjoni għaż-żewġ gowlkipers, kien biss Zach Mizzi li ma sabx ix-xibka.

Sliema rebħu l-ewwel żewġ sessjonijiet 6-0, bi tripletta għal Dino Zammit u doppjetti għal Mark Meli u Jayden Cutajar fost l-oħrajn. Il-kowċ ta’ Sliema  Beto Fernandez għażel li jagħti l-mistrieħ lil diversi plejers regolari fosthom Jerome Gabarretta, Mark Meli u Zach Mizzi. Minkejja dan, Sliema xorta baqgħu superjuri u komplew ikabbru l-vantaġġ tagħhom b’erba’ gowls mingħajr risposta fl-aħħar sessjoni skorjati miż-żgħażagħ Jayden Cutajar, Liam Galea, Matthew Mifsud u Benji Cachia.

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (1), L. Galea (1), D. Rizzo (1), M. Meli (4), B. Cachia (2), J. Cutajar (3), M. Mifsud (3), J. Brownrigg (3), J. Gambin (1), Z. Mizzi, D. Zammit (4), A. Theuma. K. Borg (1)

Marsaxlokk: S. Mifsud, R. Spiteri, C. Cutajar, B. Zammit, T. Agius, D. Bugeja, M. Zammit, L. Mallia (1), L. Saliba, R. Galea (2), J. Valletta, A. Cook, M. Farrugia, E.  Mallia, R. Scerri

Referees: Alessandro Chimenti, Richard Magri

BARRACUDAS……………………. 3

M’SKALA FISH AND FISH…….. 26

(0-7), (1-6), (1-5), (1-8)

Marsaskala Fish and Fish preparaw bl-aħjar mod għall-konfront deċiżiv ta’ għada kontra Exiles wara li f’konfront bla storja kisbu l-massimu tal-punti. Spikkaw Jake Ciantar u David Pace Lupi li skorjaw sitt gowls kull wieħed. It-tim ta’ Arpad Babay beda jiskorja gowl wara l-ieħor sa minn kmieni u dawru l-logħba bħala sessjoni ta’ taħriġ, bl-avversarji ftit offrew oppożizzjoni.

Huma skorjaw seba’ gowls mingħajr risposta fl-ewwel sessjoni u saħansitra kabbru l-vantaġġ għal 9-0 fit-tieni sessjoni sakemm Luke Galea naqqas id-distakk għal Barracudas. Fit-tieni parti tal-logħba, spikka l-veteran David Pace Lupi li skorja doppjetta fit-tielet sessjoni u erba’ gowls fir-raba’ sessjoni, b’xejn anqas minn għaxar plejers ta’ Marsaskala jirnexxilhom isibu x-xibka tul il-logħba.

Barracudas: C. Bugeja, A. Piccione, A. Magri (1), P. Micallef, D. Ciantar (1), R. Sciortino, S. Aquilina, L. Galea (1), N. Camenzuli, A. Grima Scott, A. Mifsud, T.J. Mifsud, M. Borg, S. Camilleri, A. Falzon

Marsaskala: J. Micallef, L. Falzon, A. Camenzuli (1), P. Privitera (2), R. Greco (3), G. Galea (2), K. Navarro (1), M. Manara (1), D. Pace Lupi (6), G. Sammut (2), J. Ciantar (6), M. Carani (2), A. Muscat, S. Fava, F. Scardino

Referees: Antonio Torneo, Neville Mercieca

Logħob li jmiss

It-Tlieta

Grupp A: Neptunes v Valletta 6.15pm, Ta’ Xbiex v Otters 8.25pm

Grupp B: Exiles v Marsaskala 7.20pm